Internazzjonali Lokali

Żagħżugħ iħejji proġett ta’ ġid għas-Soċjetà Maltija

Itemm b'suċċess programm ta' studji fl-Istati Uniti

Student li għadu kif temm is-6th Form fil-Kullegg De La Salle fl-aħħar jiem temm ukoll b’suċċess programm ta’ xahar fl-istudji politiċi u diplomatiċi, offrut u ffinanzjat mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan, permezz tal-Ambaxxata Amerikana f’Malta.

Nigel Caruana, li għandu 18-il sena u huwa miż-Żurrieq, għadu kif irritorna mill-Istati Uniti…u allura huma friski il-memorji tiegħu tal-programm Benjamin Franklin Transatlantic Fellowship:

L-ewwel tliet ġimgħat konna stazzjonati fl-Università ta’ Purdue, f’Indiana. Hemmhekk kellna ħafna lezzjonijiet u seminars fuq livell ta’ politika b’rabta mar-relazzjonijiet internazzjonali, affarijiet barranin, fake news u d-demokrazija. Konna 55 studenta u studenta minn madwar id-dinja kolla, 45 mill-Ewropa u 10 mill-Istati Uniti.”

Apparti l-lezzjonijiet u s-seminars li attendew, il-parteċipanti kellhom iċ-ċans iduqu ftit mid-demokrazija Amerikana.

L-aħħar ġimgħa konna f’Washington DC u Philadelphia. Hemmhekk rajna d-demokrazija u l-politika tiġri quddiemna. Rajt il-post fejn ġiet iffirmata d-dikjarazzjoni tal-Indipendenza u s-smiegħ ta’ Robert Muller.”

Il-fatt li f’dan il-programm seta’ jiltaqa’ ma’ nies ġodda minn madwar il-kontinent Ewropew u Amerikan għenuh jagħraf realtajiet politiċi ġodda.

Tmur oltre milli titgħallem mill-kotba għax titgħallem titkellem man-nies u titgħallem mingħand Professuri li qed jistudjaw fuq dan il-qasam.”

Il-programm kellu l-għan li jinvesti fil-valuri ta’ dawn il-parteċipanti żgħażagħ sabiex ikunu ċittadini attivi f’pajjiżhom u jikkontribwixxu lura dan il-ġid lis-soċjetà bl-għarfien miskub permezz ta’ xi proġett partikolari:

Il-proġett li ddeċiedejt li nagħmel jien f’Malta u nwettqu hawnhekk huwa immirat biex jindirizza l-problema tan-nuqqas ta’ midja attraenti għal votanti żgħażagħ taħt it-18-il sena biex permezz tagħhom jagħmlu għażliet infurmati. “Allura dan ħa jkun il-proġett tiegħi fejn ħa nibdew video ta’ minuta fuq Facebook, Instagram jew Youtube per eżempju. Dan se jitqassam biex tinħoloq kuxjenza f’Malta dwar sitwazzjoni kurrenti bħall-ambjent, il-bdil fil-klima, il-qagħda politika Maltija u barranija.”