Lokali

77 Anniversarju mill-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija

Illum fil-Port il-Kbir issir il-kommemorazzjoni tas-77 Anniversarju mill-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Maria … il-wasla ta’ provvisti essenzjali mill-Ingilterra lejn Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija; konvoj li qawwa qalb ħafna min-nies ta’ dan iż-żmien, u li gab tama ġdida fi żmien ikrah.

Kien propju fil-15 t’Awwissu 1942 li wasal f’pajjizna l-Konvoj ta’ Santa Marija bi provvisti vitali għall-poplu li kien wasal fix-xifer, wara xhur twal ta’ gwerra qalila.

Inċidentalment dan l-avveniment speċjali fil-kalendarju ta’ pajjiżna  kien sehh fl-istess ġurnata tal-festa tal-Assunta.

L-attakki bil-bombi fuq Malta kienu bdew lejn tmiem l-1940, żmien li fih pajjiżna serva bħala bażi importanti fil-Gwerra. Sa minn sena wara, fl-1941, f’pajjiżna bdiet tinħass l-iskarsezza tal-ikel.

F’Ġunju tal-1942 l-Ingilterra bagħtet Konvoj bil-provvisti lejn Malta, iżda dan kien inqered mill-bombi tal-għadu.

Il-konvoy ta’ Santa Marija telaq nhar it-3 t’Awwissu u kien magħmul minn 78 bastiment. 14 minnhom tal-merkanzija u tanker wieħed, l-Ohio. Kull vapur kien qed iġorr dqiq, petrol u fuel …biżżejjed għal erba’ xhur.

Din il-missjoni, meqjusa importanti, inżammet sigrieta u sakemm il-Konvoj resaq lejn Sqallija, il-vjaġġ kien mexa ħarir. Iżda disat ijiem wara t-tluq ta’ dan il-Konvoj, il-Ġermaniżi u t-Taljani attakkaw il-bastimenti, u wħud mill-vapuri spiċċaw mgħarrqa.

Kien is-Sibt filgħodu…nhar il-festa ta’ Santa Marija tal-1942…. meta deher riesaq lejn pajjizna it-tanker Ohio, nofsu mgħarraq minħabba l-attakki ħorox fuqu. Miegħu daħal ukoll il-vapur “Brisbane Star”.

L-Ohio kien ġie rmunkat taħt l-għolja ta’ Kordin fejn tnizzlu l-provvisti kollha.

Bejn l-1940 u l-1944 kien hemm 17-il konvoy bid-destinazzjoni tagħhom tkun Malta. Uħud minnhom waslu, oħrajn le, iżda l-aktar li jibqa’ minqux fl-istorja tagħna huwa dak ta’ Santa Marija.

Id-determinazzjoni tal-Maltin waqt it-Tieni Gwerra Dinjia kienet ġie rikonoxxuta formalment bl-ghoti tal-George Cross, għall-qlubija u l-kuraġġ li wera l-poplu kollu.