Atletika Sport

FILMAT: Minkejja l-isforzi Malta tispiċċa relegata għat-Tielet Diviżjoni fil-Kampjonat Ewropew tat-Timijiet

It-tim Malti tal-atletika ġie relegat għat-Tielet Diviżjoni waqt il-Kampjonati li ġew organizzati mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Atletika f’Varazdin fil-Kroazja fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Malta kienet falliet bi ftit il-promozzjoni għal din id-diviżjoni fl-aħħar kampjonati li kienu saru f’Ġunju tas-sena l-oħra f’pajjiżna. Iżda b’riżultat ta’ każijiet ta’ doping minn atleti mill-Bożnija Herzegovina, huma ġew relegati u eventwalment it-tim Malti ġie promoss.

Il-pajjiżi l-oħra fit-Tieni Diviżjoni kienu l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Georgia, l-Iżrael, il-Latvja, il-Lussemburgu u s-Slovenja. L-Estonja spiċċat rebbieħa tad-diviżjoni u għalhekk ġiet promossa għall-Ewwel Diviżjoni filwaqt li flimkien ma’ Malta, l-Iżrael, Ċipru, il-Lussemburgu u l-Georgia ġew relegati.

Malta b’kollox kisbet 96 punt, 37 minnhom miksuba mill-atleti rġiel filwaqt li d-59 punt l-ieħor inkisbu mill-atleti nisa. Mill-40 avveniment li kien hemm, Malta ma ħaditx sehem fil-high jump u l-pole vault kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa. It-tim Malti kien magħmul minn 28 atleta, bi 15 minnhom ikunu nisa.

L-aħjar riżultati tat-tim Malti

Fil-Kroazja saru tliet rekords nazzjonali, tliet riżultati personali ġodda u żewġ atleti kisbu l-aħjar riżultat tal-istaġun. Marilyn Grech spiċċat fil-11-il post minn 12-il atleta fl-400 metru hurdles iżda bil-ħin ta’ 1:04.72 għamlet rekord nazzjonali.

Daniel Saliba għamel ukoll rekord nazzjonali fil-110 metru hurdles b’ħin ta’ 15.52 sekonda għalkemm spiċċa fit-12-il post. Iż-żagħżugħa ta’ 16-il sena Mireya Cassar għamlet rekord nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena fix-shot put b’distanza ta’ 10.97 metri, liema riżultat spiċċat fit-12-il post.

Jean Paul Debono kiseb l-aħjar riżultati personali f’żewġ tlielaq. Fit-800 metru għamel ħin ta’ 1:58.74 u fl-1,500 metru waqqaf l-arloġġ f’4:02.31. Hu spiċċa fit-12 u l-11-il post rispettivament. Fit-3,000 metru tal-irġiel, Dillon Cassar waqqaf l-arloġġ f’8:43.79 u minkejja li spiċċa fit-12-il post, għamel l-aħjar ħin personali.

Ian Paul Grech kompla s-sena pożittiva tiegħu meta bil-qabża ta’ 7.30 metri fl-ewwel tentattiv, temm fis-seba’ post u kiseb l-aħjar riżultat tal-istaġun. Jacob El Aida Chaffey temm fl-għaxar post u kiseb l-aħjar riżultat tal-istaġun f’21.82 sekonda fil-200 metru tal-irġiel.

Fost l-aħjar riżultati li nkisbu f’dawn il-jumejn, Mona Lisa Camilleri spiċċat it-3,000 metru steeplechase tan-nisa f’11:10.58 biex temmet fil-ħames post u rebħet tmien punti għal Malta. Janet Richard spiċċat it-tellieqa tal-400 metru fis-sitt post f’54.79 u kisbet seba’ punti.

Charlotte Wingfield spiċċat fis-seba’ post u kisbet sitt punti għal Malta meta waqqfet l-arloġġ f’24.54 fil-200 metru tan-nisa. Claire Azzopardi għamlet qabża ta’ 5.82 metri fl-ewwel attentat tagħha fil-long jump. Hi spiċċat fis-seba’ post u kisbet sitt punti.

Riżultati oħra

Fil-hammer throw tan-nisa, Antonella Chouhal kisbet punt b’distanza ta’ 38.44 metru fit-tielet attentat tagħha filwaqt li fil-kompetizzjoni tal-irġiel Mario Mifsud spiċċa fil-11-il post b’distanza ta’ 48.17 metru.

Ian Paul Grech spiċċa fit-12-il post fit-triple jump b’distanza ta’ 14.26 metru, 74 ċentimetru bogħod mill-aħjar riżultat tiegħu. Rebecca Sare temmet fl-10 post fit-triple jump tan-nisa biex rebħet tliet punti. Hi kellha qabża ta’ 12.18 metru fit-tieni attentat tagħha, biż-żewġ qabżiet ikunu ta’ ċentimetru anqas.

Mariah Zahra tefgħet id-discus b’distanza ta’ 25.40 metru u spiċċat fit-12-il post. Luke Farrugia kiseb punt fid-discus b’total ta’ 46.90 metru u pun ieħor fix-shot put b’distanza ta’ 12.16 metru.

Fil-javelin, Bradley Mifsud rebaħ punt b’distanza ta’ 50.95 metru fit-tieni tentattiv tiegħu filwaqt li Mireya Cassar ukoll kisbet punt meta tefgħet il-javelin b’distanza ta’ 23.77 metru.

Fl-400 metru hurdles tal-irġiel, Daniel Saliba kiseb tliet punti għal Malta meta waqqaf l-arloġġ f’56.64. Fil-finali tal-100 metru tan-nisa, Charlotte Wingfield spiċċat fid-disa’ post biex il-ħin ta’ 12.23 sekonda taw erba’ punti lil Malta. Fil-100 metru tal-irġiel, Luke Bezzina spiċċa fil-11-il post f’11.20 sekonda.

Paula Grech daħlet fl-għaxar post fit-800 metru tan-nisa b’ħin ta’ 2:10.23. Lisa Marie Bezzina għamlet ħin ta’ 10:15.14 fit-3,000 metru u tat punt ieħor lil Malta. Damien Mizzi temm l-400 metru tal-irġiel f’51.81 sekonda u spiċċa fit-12-il post filwaqt li Luke Micallef spiċċa l-5,000 metru tal-irġiel f’15:41.79 u kiseb punt.

Tliet punti kull wieħed inkisbu fil-100 metru hurdles tan-nisa, b’Marilyn Grech tidħol f’17.35 sekonda u rebħet tliet punti filwaqt li Mona Lisa Camilleri spiċċat fl-10 post fl-1,500 metru f’4:32.90. Luke Micallef temm l-għaxra f’9:36.21 fit-3,000 steeplechase tal-irġiel u fil-5,000 metru tan-nisa, Lisa Marie Bezzina spiċċat fl-10 post f’17:49.60.

It-tim tar-relay tal-4×100 metru tan-nisa spiċċa fl-10 post f’46.45 sekonda. It-tim kien iffurmat minn Claire Azzopardi, Annalise Vassallo, Sara Bartolo u Charlotte Wingfield. It-tim tal-irġiel temm fil-11-il post f’41.66, bit-tim kien magħmul minn Kurt Zahra, Luke Bezzina, Steve Camilleri u Jacob El Aida Chaffey. B’hekk iż-żewġ timijiet kisbu total ta’ ħames punti.

It-tim tar-relay fil-4×400 metru tan-nisa spiċċa fl-10 post f’3:52.38. Nicole Gatt, Ylenia Pace, Sarah Chouhal u Janet Richard iffurmaw it-tim Malti, kollha atleti bejn is-16 u t-23 sena. It-tim tal-irġiel magħmul minn Steve Camilleri, Jacob El Aida Chaffey, Daniel Saliba u Damien Mizzi, spiċċaw it-tellieqa 3:20.61 u kklassifikaw fit-tmien post.

Klassifika finali

Estonja 336.50 punt, Slovenja 321 punt, Danimarka 313-il punt, Latvja 306 punti, Kroazja 306 punti, Bulgarija 298 punt, Awstrija 275 punt, Iżrael 272.50 punt, Ċipru 260 punt, Lussemburgu 180 punt, Georgia 141 punt, Malta 96 punt