Lokali Qorti

Identifikat u ntbagħat il-ħabs wara li waqa’ il-liżar li kellu fuq wiċċu waqt is-serqa

Teimuraz Datashvili ta’ 42 sena mill-Ġeorġja weħel 18-il xahar ħabs wara li nstab ħati li seraq minn ħanut ta’ konvenjenza fin-Naxxar… Huwa kien klijent regolari tal-ħanut li pprova jisraq u filfatt kienu l-impjegati li għarfuh.

Għall-ħabta tal-4am, madwar €200 fi flus kontanti u €250 ‘top-up’ tal-mobiles kienu nsterqu dan filwaqt li saret ħsara ta’ madwar €500 lill-ħanut.

Fil-filmat tas-CCTV, ir-raġel deher b’liżar fuq wiċċu li waqa’ hu u ħiereġ mill-post tas-serqa… dan wassal għall-arrest tiegħu.

Datashivili, li m’għandu l-ebda indirizz fiss, kien maqbud mill-pulizija fuq xarabank… Wara li ġie interrogat, ir-raġel ġie mressaq mill-ispettur tal-pulizija Matthew Spagnol.

Il-Maġistrat Joe Mifsud sab lil Datashvili ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u apparti s-sentenza tal-ħabs, ordnalu li jħallas lis-sid €1,046 għad-danni tal-ħanut.