Il-Kunsill tal-MFA ltaqa’ lbieraħ għall-ewwel darba mil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-20 ta’ Lulju li għadda. Waħda mill-aktar affarijiet importanti kienet l-approvazzjoni tal-pjan strateġiku preżentat mill-President tal-MFA Bjorn Vassallo li ssegwi l-viżjoni tiegħu ta’ tmien snin. Il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA approva unanimament qabel mal-pjan ta’ Vassallo.
Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni tal-MFA mmexxija minn Vassallo hi l-ħatra ta’ Dawn Aquilina bħala Strategy Officer. Hi se tkun l-ewwel persuna li tokkupa din il-kariga, u se jkollha r-responsabbiltà li tara li l-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku jidħol fis-seħħ bl-iktar mod effettiv.
Minkejja li għadha żagħżugħa, Aquilina għandha esperjenza internazzjonali. Iggradwata bil-Ph.D fil-Politika Sportiva, għal tmien snin hi ħadmet fi ħdan is-Swiss Graduate School of Public Administration (IDHEAP) fejn kienet responsabbli mill-immaniġġjar tal-korsijiet tal-UEFA, inkluż id-Diploma in Football Management (DFM) u s-Certificate in Football Management (CFM).
Sadattant l-MFA tinsab fil-proċess li twettaq riforma fl-aspett organizzattiv tagħha biex tilqa’ għal sfidi futuri u jkun implimentat il-pjan strateġiku tagħha. Is-set-up ġdid se jkun qed jiffoka fuq il-lat amministrattiv u sportiv, waqt li se jinħolqu dawk li qed jissejħu Special Purpose Vehicles: MFA SportsPlus, MFA FinancePlus, il-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol u oħra li se jkollha l-għan li timmaniġġja l-proġett ta’ klabb professjonali Malti li jikkompeti fil-kampjonat Taljan.
Il-President il-ġdid tal-MFA Bjorn Vassallo żamm mat-tradizzjoni u ta amnestija lill-plejers u uffiċjali b’sospensjonijiet pendenti mill-kompetizzjoni kollha organizzati mill-MFA u l-Assoċjazzjonijiet Membri. Din l-amnestija ma tapplikkax għal sanzjonijiet marbuta mal-irranġar tal-logħob, integrità jew doping.
Intant l-eks President tal-MFA Norman Darmanin Demajo nħatar President Onorarju tal-MFA b’rikonoxximent tal-kontribut tiegħu fil-futbol. Darmanin Demajo serva bħala President bejn l-2010 u din is-sena wara li fil-passat kien ukoll Teżorier tal-MFA. Alex Manfre li kien wieħed mill-Viċi President tal-MFA fl-aħħar disa’ snin kif ukoll kien Teżorier tal-MFA, sar Membru Onorarju wara karriera ta’ 19-il sena f’dawn il-karigi.
//= $special ?>