B’reazzjoni għall-istatistika riċenti tal-NSO bl-indiċi tal-faqar li turi kif fost l-oħrajn hemm ftit anqas minn 80,000 persuna, jew ftit anqas minn 17% tal-popolazzjoni, f’riskju ta’ faqar, Peter Paul Bonnici mill-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani, ċanfar lill-Gvern għall-mod kif nesa kompletament lill-anzjani u l-pensjonanti meta fl-istess nifs jiftaħar li għandu surplus:
“Din mhix ċajta iġifieri. Dawn huma affarijiet reali. Aħna immissu dawn in-nies b’idejna. Nidħlu fil-problemi tagħhom. Iġifieri hija xi ħaġa li ta’ għajb għall-Gvern li jiftaħar għandu surplus u ħafna affarijiet li jpinġulna stampa li hi totalment differenti mir-realtà.”
Dan meta kien qiegħed jagħti r-reazzjoni għal kif l-indiċi tal-faqar juri li madwar 36,000 persuna m’għandhomx biżżejjed flus biex issaħħnu djarhom.
Bonnici rreaġixxa ukoll għal kif hawn 27,000 persuna li ma jaffordjawx jixtru ikel nutrittiv bħal-laħam, tiġieġ u ħut, u 12,000 li ma jibqalhomx biżżejjed flus sal-aħħar tax-xahar biex iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-loans tal-bank:
“Għandna problema fejn pensjonanti speċjament jaslu sat-3 ġimgħa tax-xahar, iġifieri għandhom l-aħħar ġimgħa dawn iridu jaraw kif jillapazzaw b’riżultat negattiv fuq saħħithom. Dan meta bniedem ma jkollux biżżejjed flus x’jonfoq biex imantni lilu nnifsu kif suppost, ikollu jirriżolvi għall-ikel li pjuttost jagħmillu ħsara bħall-ħobż, għaġin, pastizzi u affarijiet minn dawn. Dan jaf li qed jagħmel ħsara lilu nnifsu imma jkollu jieklu għax inkella ma jgħix. (…) Hemm barra hemm nies li qegħdin ibatu u l-Gvern irid jara kif se jgħinhom. Ma jistax ikun li nibqgħu niftaħru bl-iżviluppi pożittivi fl-ekonomija mbagħad għandna ammont sostanzjali fis-soċjetà tagħna li qegħdin ibatu b’mod li jista’ jmiss u jarah kulħadd. Kulħadd għandu xi ħadd fil-familja żgur li għaddej minn xi żmien diffiċli.”
Numri kbir ta’ għaqdiet ukoll stqarrew li s-sitwazzjoni preżenti mhux kif qed jipprova jpenġiha l-Gvern. Is-CEO ta’ SOS Malta, Claudia Taylor East qalet li s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna hi waħda tal-biki. Filwaqt li Father Hilary Tagliaferro, li jmexxi l-Millenium Chapel f’Paceville, qabel li f’pajjiżna hawn bżonn li jsir xi ħaġa.
Minn naħa l-oħra, Caritas Malta nnutat li dawk konċernati mhumiex jagħmlu biżżejjed biex joħorġu lin-nisa mill-kategorija f’riskju ta’ faqar. Dan hekk kif in-nisa, l-iktar dawk li jieħdu ħsieb uliedhom weħidhom u l-anzjani, jinsabu fl-ogħla punt tal-kategorija.
//= $special ?>