Wieħed miż-żewġ messaġġiera tal-qorti akkużat li seraq fajl dwar każ ta’ traffikar ta’ droga nstab ħati u tqiegħed taħt probation.
Imressqa quddiem il-qorti mill-ispettur Frank Anthony Tabone, Edwin Vassallo, ta’ 57 sena, mill-Kalkara u Joseph Bezzina, 62, mill-Belt Valletta kienu investigati mill-pulizija wara li l-fajl li fih kellu evidenza kontra Angel Attard sparixxa mill-bini tal-qorti lura f’April tal-2017.
Ġie stabbilit li l-aħħar persuni li kellhom aċċess għall-fajl kienu Vassallo u Bezzina… huma kienu mressqa quddiem il-Qorti separatament.
Il-par waħħlu f’xulxin… Bezzina insista li Vassallo kien talbu jaħbi l-fajl u wara li għamel dan, hu beża’ u rrapporta lis-superjuri tiegħu. Vassallo, min-naħa l-oħra qal li Bezzina offrielu bejn €5,000 u €10,000, biex jaħbi l-fajl.
Il-Maġistrat Joseph Mifsud, qal li sab l-istorja ta’ Vassallo aktar kredibbli. Dan tal-aħħar kien sostna li wara li kien ta l-fajl lil Bezzina, huwa ma kellu l-ebda idea x’ġara.
Vassallo inħeles mill-akkuża li prova jeqred evidenza, iżda nstab ħati tas-serq tal-file… dan filwaqt li kien konfermat li ma rċieva l-ebda pagamenti biex għamel dan.
Vassallo kien ġie sospiż mix-xogħol għal dawn l-aħħar sentejn u kien qed ifittex xogħol x’imkien ieħor.
Il-qorti qalet li matul is-smigħ tal-każ kien ħareġ ċar li Vassallo għandu jitlob l-għajnuna biex itejjeb il-ħiliet soċjali tiegħu, u jkun aktar assertiv għax apparti li tħammiġlu ismu wassal ukoll biex il-Maġistrat poġġa lil Vassallo taħt ordni ta’ probation ta’ tliet snin, u 480 siegħa ta’ servizz fil-komunità.
L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għall-akkużati.
//= $special ?>