Sport Waterpolo

Iż-żgħażagħ Maltin jagħtu battikata lir-Russi iżda r-rimonta kbira fl-aħħar sessjoni ma tkunx biżżejjed

(Ritratt: Georgia Aquatic Federation)
Tispikka r-rimonta fl-aħħar sessjoni

RUSSJA…………………………. 14 MALTA………………………………. 12

(5-2), (3-4), (4-2), (2-4)

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena ta battikata lir-Russja iżda minkejja rimonta mill-aqwa fl-aħħar sessjoni spiċċa tellief 14-12. Iż-żgħażagħ Maltin taw wirja mill-aqwa u għal ħafna ħinijiet ma urew l-ebda inferjorità lill-avversarji.

B’dan ir-riżultat, it-tim Malti temm it-tielet fil-grupp qabel it-Turkija u b’hekk hu assigurat tal-anqas minn post mal-ewwel 12 fl-Ewropa. Għada Malta tilgħab kontra l-qawwa tas-Serbja fis-2.00pm fil-logħba tal-klassifikazzjoni. F’każ ta’ rebħa l-avversarju jkun il-Greċja filwaqt li f’każ ta’ telfa l-avversarju jkun it-tellief bejn il-Ġermanja u l-organizzaturi l-Georgia.

Malta kellha vantaġġ ta’ 2-1 sal-ewwel nofs tas-sessjoni b’doppjetta ta’ Jake Muscat, biż-żewġ gowls jaslu minn penalty u man-up veloċi. Ir-Russi ġabu d-draw minn man-up u temmew l-ewwel sessjoni 5-2 bi tliet gowls fl-aħħar żewġ minuti tas-sessjoni.

It-tim Malti ssielet biex naqqas id-distakk għal 5-4 fil-bidu tat-tieni sessjoni. Benji Cachia skorja t-tielet gowl Malti minn kontrattakk biex ftit wara Jake Muscat skorja minn man-up. Ir-Russi reġgħu kabbru d-distakk għal tliet gowls sa nofs it-tieni sessjoni sakemm Jake Muscat skorja minn ħames metri bogħod. Askar Iarullin għamel l-iskor 8-5 minn man-up iżda Sebastian Busuttil reġa’ naqqas id-distakk għal żewġ gowls meta kompla għal ġewwa mis-centre wara man-up.

It-tim ta’ Karl Izzo naqqas id-distakk għal gowl f’żewġ okkażjonijiet fit-tielet sessjoni. Jake Muscat għamel l-iskor 8-7 minn penalty u wara li Aleksandr Zhuliabin żied il-vantaġġ Russu minn man-up, Jake Bonavia għamilhom 9-8 minn kontrattakk veloċi. Iżda fl-aħħar żewġ minuti u nofs ir-Russi skorjaw tliet darbiet filwaqt li t-tim Malti falla żewġ man-ups biex b’hekk l-aħħar sessjoni bdiet 12-8.

Ħafna ħasbu li l-logħba setgħet intemmet iżda ż-żgħażagħ Maltin kellhom ħsibijiet oħra. Sebastian Busuttil skorja minn man-up u Jake Muscat skorja minn penalty f’anqas minn minuta u nofs mill-ftuħ tas-sessjoni. Benji Cachia naqqas id-distakk għal gowl f’kontrattakk Malti biex 28 sekonda Jake Bonavia skorja b’push shot mill-isbaħ u ġab id-draw f’anqas minn nofs sessjoni. Iżda fl-azzjoni ta’ wara r-Russi reġgħu marru fil-vantaġġ minn Aleksandr Zhuliabin biex Zamir Mirziev għamel l-iskor 14-12 b’żewġ minuti għat-tmiem. It-tim Malti prova jnaqqas id-distakk iżda r-Russi kkontrollaw l-aħħar sforzi Maltin.

Russja: V. Burov, D. Ivannikov (1), A. Bovan (2), G. Kabakov, E. Fedotov, A. Zhuliabin (3), A. Utaliev, A. Frantcuzov, M. Shulev (3), Z. Mirziev (1), V. Rachitelev (3), A. Iarullin (1), N. Pavlov

Malta: M. Vassallo, J. Farrugia, S. Stellini, G. Mellilo, M. Carani, B. Cachia (2), L. Falzon, S. Busuttil (2), G. Farrugia, J. Bonavia (2), M. Chircop, J. Muscat (6)

Referees: Zsolt Marjay (Ungerija), Irakli Kikalishvili (Georgia)