Futbol Sport

Manchester City jevitaw sospensjoni mill-FIFA

Manchester City evitaw sospensjoni mill-kompetizzjonijiet Ewropej u kienu mmultati €340,000 mill-FIFA. Dan wara li kisru regoli relatati ma’ trasferimenti internazzjonali u reġistrazzjoni ta’ plejers taħt it-18-il sena għal perjodi ta’ prova u parteċipazzjoni f’partiti ta’ ħbiberija.

Fi Frar li għadda, Chelsea ngħataw sena sospensjoni mit-trasferimenti u mmultati madwar €500,000 mill-FIFA talli nstabu ħatja li kisru r-regoli dwar l-iffirmar ta’ plejers żgħar. L-uffiċjali tal-FIFA għadhom iridu jikkjarifikaw jekk Manchester City kisrux l-istess artiklu ta’ Chelsea.

Iż-żewġ każijiet kienu kumplessi u trattati separatament mill-FIFA, b’Manchester City jammettu li li kienu responsabbli, deċiżjoni li probabbli kienet fattur fil-kastig li rċevew. Chelsea kienu appellaw is-sanzjoni fil-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport.

Manchester City qalu li l-ksur tar-regoli feġġew wara interpretazzjoni ħażina tar-regolamenti fil-kwistjoni partikoari. Fi stqarrija huma qalu li kienu konformi minn Diċembru tal-2016. Huma qalu li kkoperaw fl-investigazzjoni li kienet trasparenti.

Iċ-champions Ingliżi għadhom taħt investigazzjoni mill-FIFA u l-UEFA minħabba l-Financial Fair Play u nstabu ħatja li kisru artiklu 19 tar-regolamenti tal-FIFA dwar l-istatus u t-trasferimenti tal-plejers.