Futbol Sport

Perisic jingħaqad ma’ Bayern Munich b’self

(Ritratt: Bayern Munich)

Bayern Munich iffirmaw lil Ivan Perisic b’self mingħand Inter għal €5 miljuni sal-aħħar tal-istaġun b’għażla li jiffirmaw il-plejer fi tmiem l-istaġun għal €20 miljun. Perisic kien ingħaqad ma’ Inter fis-sajf tal-2015 għal €16-il miljun u fl-aħħar snin kien wieħed mill-plejers importanti fit-tim. Iżda mal-wasla ta’ Antonio Conte bħala kowċ, Perisic ma kienx fil-pjanijiet tas-sistema tattika tat-Taljan.

Oriġinarjament Bayern Munich kienu interessati fil-winger ta’ Manchester City Leroy Sane iżda l-Ġermaniż ta’ 23 sena ċarrat il-ligament tal-cruciate fil-Community Shield aktar kmieni dan ix-xahar. Dan wassal biex il-Ġermaniżi xeħtu l-interess tagħhom fuq il-Kroat ta’ 30 sena.

Għal Perisic dan se jkun ritorn fil-Ġermanja wara esperjenzi ma’ Borussia Dortmund u Wolfsburg bejn l-2011 u l-2015. Hu rebaħ il-Bundesliga ma’ Dortmund fl-istaġun 2011/12 u għen lill-Kroazja tasal sas-semifinali tat-Tazza tad-Dinja tas-sena l-oħra. Mat-tim nazzjonali tal-Kroazja hu lagħab 82 logħba u skorja 23 gowl.

Id-Direttur Sportiv ta’ Bayern Munich Hasan Salihamidzic qal li Perisic se jgħin lit-tim bl-esperjenza tiegħu fl-ogħla livell internazzjonali. Fl-ewwel kummenti tiegħu, Perisic qal li hu sodisfatt li rritorna l-Ġermanja u saħaq li Bayern Munich iridu jippruvaw jirbħu l-Bundesliga t-Tazza Ġermaniża kif ukoll il-UEFA Champions League.