Internazzjonali Lokali Mużika

Suċċess għal kantanti Maltin barra minn xtutna

Mhux l-ewwel darba li rajna lill-Maltin imorru tajjeb f’konkors internazzjonali …

… din żgur mhijiex se tkun l-aħħar!

Ftit jiem ilu, il-konkors Rumen Music for Kids iċċelebra l-10 anniversarju tiegħu, festival li jħaddan diversi kantanti żgħar minn nazzjonijiet differenti – u l-Maltin li ħadu sehem fih ma naqsux milli jħallu l-marka tagħhom.

Rihanna Aquilina ta’ 12-il sena fil-Kategorja E, li rebħet bid-diska Somebody’s Got a Hold on Me. Maria Abdilla hija l-għalliema tagħha fil-kant, l-istess għalliema li kellha Destiny Chukunyere (rebbieħa tal-Junior Eurovision).

Eliza Attard, ta’ 16-il sena, min-naħa l-oħra, kienet parti mill-Kategorja G, u rnexxielha tikseb l-ewwel post bid-diska You Don’t Own Me, b’Glen Vella bħala l-għalliem tagħha.

Maria Dijnovic iffurmat parti mill-Kategorja C, u kisbet it-tielet post bid-diska No Roots: Phyllisienne Brincat hija l-għalliema tagħha.

L-edizzjoni ta’ din is-sena rat 70 parteċipant minn 13-il pajjiż differenti: il-kanzunetti kollha ġew akkumpanjati minn koreografija ta’ Paula Mitru, u r-riżultati ġew deċiżi permezz ta’ ġurija magħmula minn 11-il membru.

Il-kantanti intgħazlu wara li ħadu sehem f’festival hawn Malta bl-isem; Malta International Singer’s Festival-euro Stars… festival organizzat minn Martin Degabriele.