Sport Sport Ieħor

Thomas u Alaphilippe mhux mistennija jieħdu sehem f’La Vuelta

(Ritratt: EPA)

Geraint Thomas u Julian Alaphilippe huma t-tnejn mistennija jitilfu La Vuelta li jibda fl-24 ta’ Awwissu. Dan wara li se jieħdu sehem fit-Tour tal-Ġermanja li jibda ħames ijiem wara. L-avveniment Ġermaniż li se jsir fuq erba’ stadji, se jkun l-ewwel wieħed għal Thomas minn meta spiċċa t-tieni fit-Tour de France. Fl-assenza tiegħu, Tao Geoghegan Hart hu mistenni li jmexxi lil Team Ineos.

Iċ-ċiklist ta’ Quick-Step Julian Alaphilippe kellu Tour de France impressjonanti. Hu kien bil-flokk l-isfar għal 14-il ġurnata qabel tilef it-Tour lejn it-tmiem fil-konfront ta’ Egan Bernal. Minn dakinhar, hu prattikament kien qed jistrieħ fid-dar tiegħu. Ċiklisti bħal Richie Porte, Alexander Kristoff u Caleb Ewan mistennija wkoll jieħdu sehem fil-Ġermanja.

L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ La Vuelta se tkun l-74 edizzjoni. L-ewwel stadju se jkun ta’ 13.4 kilometru minn Salinas de Torrevieja għal Torrevieja. B’kollox se jkun hemm 21 stadju u jiġi fi tmiemu fil-15 ta’ Settembru bi stadju ta’ 106.6 kilometru. Ir-rebbieħ tas-sena l-oħra hu Simon Yates.