Internazzjonali

Tmut Nadia Toffa; Le Iene qatt mhu se jkun bħal qabel

Il-ġurnalista Taljana kellha 40 sena

Id-dinja tal-ġurnaliżmu fl-Italja tinsab ixxukjata għall-aħbar tal-mewt ta’ Nadia Toffa li kienet ilha xhur tissielet il-marda tal-kanċer.

L-aħbar ingħatat fuq Twitter mit-tim tal-programm Le Iene, li magħhom spoldiet fil-karriera televiżiva tagħha, fejn għal żmien twil anke preżentat dan l-istess programm.

Nadia Toffa tibqa’ mfakkra bħala l-ġurnalista ta’ Le Iene li produċiet uħud mill-aqwa servizzi għat-televiżjoni, rappurtaġġ investigattiv minn madwar id-dinja, u intervisti f’postijiet li qatt ħadd ma kien joħlomhom qabel.

Hi kienet ilha marida minn Diċembru tal-2017. Iżda f’dan il-perijodu, dejjem kienet ta ispirazzjoni għal min bħalissa għaddej mill-istess marda li kellha hi. Jispikkaw fuq kollox il-messaġġi ta’ pożittivita’ li kienet tgħaddi – biex il-ħajja titgawda, nitbissmu, u nħobbu lil ta’ madwarna. Din kienet Nadia Toffa; sors ta’ enerġija u kuraġġ għal min qed jaffaċja l-marda tal-kanċer.

Sħabha ta’ Le Iene qalu li xejn mhu se jibqa’ l-istess mingħajra. Iżda saħqu li hi se tibqa’ ħajja fostna għal dejjem, bil-ġid kollu li għamlet.

Fost dawk li esprimew id-dieqa tagħhom għal din it-telfa kien hemm il-Viċi Prim Ministru Taljan Matteo Salvini u l-preżentatriċi Barbara d’Urso.

write-my-coursework