Tkompli l-kriżi tal-immigrazzjoni f’nofs il-baħar Mediterran, bit-tim ta’ Open Arms sal-aħħar sigħat għadhom jitolbu l-għajnuna pajjiżi Ewropej.
503 immigrant qed jistennew kenn iżda kull pajjiż Ewropew qed iżomm idu iebsa u ma’ kull sejħa qed jirrifjuta li jdaħħal uħud mill-immigranti ġewwa pajjiżu.
Hekk kif ninsabu fl-istaġun sajfi, iktar immigranti qed jaħarbu mil-Libja. Il-bastiment Open Arms, 13-il ġurnata ilu kien salva madwar 160 immigrant. Issa n-numru naqas għal madwar 147 immigrant abbord il-vapur hekk kif it-Tlieta intlabet assistenza medika għal tarbija abbord.
Il-Gvern Malti aċċetta li jdaħħal lit-tarbija u l-familja tagħha ġewwa pajjiżna iżda l-ħelikopter li ntbagħat minn pajjiżna ma rnexxilux itellagħhom. B’hekk, iktar tard huma ttieħdu Lampedusa.
Fl-aħħar jiem, abbord Open Arms ġew imsejħa psikologi minħabba s-sitwazzjoni li l-immigranti kienu għaddejjin minnha qabel ħarbu minn pajjiżhom, fosthom li kienu vittmi ta’ abbuż u vjolenza.
Ġurnalista Spanjola fl-aħħar sigħat marret abbord dan il-bastiment u f’filmat qasir uriet il-periklu li jinsabu fih dawn l-immigranti f’nofs ta’ baħar hekk kif il-baħar hu pjuttost imqalleb.
Minn naħa l-oħra, il-vapur Ocean Viking nhar il-Ġimgħa salva madwar 85 immigrant iżda fil-ġranet li għaddew il-vapur kompla jsib diversi dgħajjes bl-immigranti. B’kollox, abbord dan il-bastiment hemm total ta’ 356 persuna, bil-fuq minn 100 minnhom huma kollha tfal.
L-organizzazjonijiet SOS Mediterranee u Doctors Without Borders qegħdin joħorġu fil-baħar biex jagħtu l-assistenza tagħhom lill-immigranti. Iż-żewġ organizzazjonijiet saħqu li s-sitwazzjoni qed tigrava u hemm bżonn li jinfetaħ xi port biex jingħataw l-għajnuna.
L-Għaqdiet li qed isalvaw l-immigranti qed jirrifjutaw li jieħdu l-immigranti lura l-Libja minħabba l-fatt li jkunu qiegħdin jitfawhom lura f’sitwazzjoni ta’ abbuż u vjolenza.
Intant, il-Qorti Taljana neħħiet il-projbizzjoni milli l-bastiment Spanjol Open Arms jidħol fl-ibħra ta’ teritorju Taljan. Madanakollu, ma tgħatx permezz biex jidħlu f’portijiet Taljani.
Dan seħħ hekk kif il-Qorti argumentat li l-periklu ta’ dawk l-immigranti abbord tirrikjedi risposta mmedjata.
Minkejja li l-portijiet Taljani għadhom fuq ordni tal-Qorti mgħaluqa, it-tim ta’ Open Arms xorta waħda se jidħlu fl-ibħra teritorji tal-gżira Lampedusa. Fl-aħħar jiem, il-Ministru Taljan Matteo Salvini kien qal li l-organizzazzjonijiet li jidħlu mingħajr permess fil-portijiet Taljani se jkunu qed jaffaċjaw multa ta’ miljun ewro.
//= $special ?>