Lokali

Aktar żidiet għall-familji u l-anzjani

Jiżdied il-prezz tal-panadols

Ikomplu jiżdiedu l-ispejjeż għall-familji Maltin u Għawdxin. Dan hekk tħabbret żieda fuq mediċina partikolari li tintuża minn diversi nies.

Nies li tkellmu ma’ netnews stqarrew li meta marru biex jixtru l-panadols sabu żieda sostanzjali fil-prezz ta’ din il-mediċina – żieda ta’ madwar 13-il ċenteżmu fuq kull tip ta’ panadols.

Il-Panadol advance żdiedu minn €2.85 għal €2.98 – żieda ta’ 13-il ċenteżmu.
Il-Panadol soluble żdiedu minn €4.10 għal €4.22 – żieda ta’ 12-il ċenteżmu.
Il-Panadol cold & flu żdiedu minn €6 għal €6.12 – żieda ta’ 12-il ċenteżmu.
Il-Panadol by 24 żdiedu minn €2.05 għal €2.17 – żieda ta’ 12-il ċenteżmu.
Il-Panadol by 48 żdiedu minn €3.60 għal €3.73 – żieda ta’ 13-il ċenteżmu.
Il-Panadol extra żdiedu minn €4.10 għal €4.22 – żieda ta’ 12-il ċenteżmu.

Dan ikompli jżid ma’ diversi prodotti li għolew f’dawn l-aħħar ġimgħat fosthom il-ħalib, il-ġobon, il-yoghurt, il-ħobż, is-servizz tal-posta kif ukoll il-petrol u s-diesel.

Cifri tal-NSO li ħarġu l-ġimgħa li għaddiet jikkonfermaw id-daqqa li qed jiffaċċjaw bħalissa diversi familji u pensjonanti fid-dħul tagħhom, tant li l-persuni f’riskju ta’ faqar issa qabżu t-78,000.

Interessanti l-fatt illi din l-istatistika tkopri l-perjodu 2017-2018, u allura ma tinkludix l-effett fuq l-għoli tal-ħajja kaġun taż-żidiet fost oħrajn fil-prezz tal-ħalib, il-mediċini, il-posta, il-petrol u d-diesel.

Fl-2012, il-persuni f’riskju ta’ faqar kienu jammontaw għal kważi 62,000. Illum 7 snin wara…u meta l-Gvern ta’ Muscat jinsab fit-tieni leġislatura tiegħu…dan in-numru tela’ għal kważi 79,000 persuna f’riskju ta’ faqar.