Sport Sport Ieħor

Brian Galea jirbaħ kompetizzjoni tat-trap

Brian Galea spiċċa bħala r-rebbieħ ta’ kompetizzjoni tat-trap li saret fix-Shooting Range f’Ta Kandja. Iż-żagħżugħ Nico Sciberras u John Marmara ngħaqdu ma’ Galea fuq il-podju wara li spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

Dan ir-riżultat għandu jitqies bħala tajjeb ħafna għal Brian Galea hekk kif it-Tlieta ħalla pajjiżna flimkien mat-tim Malti tat-trap li se jikkompeti f’Tazza tad-Dinja organizzata mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Isparar f’Lahti l-Finlandja. Fuq in-naħa l-oħra, Nico Sciberras qed jipprepara għall-Kampjonat Ewropew taż-żgħażagħ li se jsir ix-xahar id-dieħel fl-Italja.

Galea spiċċa l-ewwel fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni wara li kiseb riżultat tajjeb ħafna ta’ 49/50. Nazzareno Attard, Paul Formosa u Michael Grech laqtu kollha 46 plattina minn 50, b’Formosa jirbaħ shoot-off wara li laqat aktar minn Formosa u Grech rispettivament. John Marmara laqat 45 plattina, waħda aktar minn Nico Sciberras.

Fl-ewwel rawnd tal-fażi finali, Brian Galea, Nico Sciberras u John Marmara laqtu 24, 23 u 23 plattina biex inqatgħu mit-tliet tiraturi l-oħra. Michael Grech kien eliminat l-ewwel wara li laqat 15-il plattina u Paul Formosa kien eliminat warajh anki jekk laqat ħamsa minn ħamsa fit-tieni rawnd. Nazzareno Attard spiċċa fir-raba’ post hekk kif ma rkuprax mit-tiraturi ta’ qablu.

Sciberras kellu plattina vantaġġ fuq Marmara u fir-raba’ rawnd laqtu t-tnejn erba’ plattini minn ħamsa biex Marmara kellu jikkuntenta bit-tielet post. Il-finali kienet kontestata minn Brian Galea u Nico Sciberras biż-żewġ tiraturi jolqtu l-għaxar plattini. Galea spiċċa b’total ta’ 48 plattina minn 50, vantaġġ ta’ tliet plattini fuq it-tiratur żagħżugħ. Il-programm tal-Federazzjoni Maltija jkompli s-Sibt u l-Ħadd li ġej fis-Southern Shooting Club bil-Grand Prix ta’ Santa Marija.

L-ewwel tliet tiraturi fil-klassijiet rispettivi għalqu ż-żewġ rawnds ta’ kwalifikazzjoni b’dawn ir-riżultati:

Klassi A: 1. Brian Galea 49/50, 2. Paul Formosa 46/50, 3. John Marmara 45/50

Klassi B: 1. Nazzareno Attard 46/50 (Countback Rule), 2. Michael Grech 46/50, 3. Nico Sciberras 44/50

Klassi Ċ: 1. Lee Micallef 44/50, 2. Daniel Camilleri 42/50, 3. Robert Farrugia 41/50

Tags