Futbol Sport

Darren Abdilla ffukat fuq l-aħjar prestazzjoni possibbli ta’ Valletta rrelevanti mill-kwalifikazzjoni

(Ritratt: Trevor Sollars)

Valletta għada għandhom missjoni kważi impossibbli li jirkupraw l-iżvantaġġ ta’ 5-1 mill-ewwel logħba li ntlagħbet fl-Astana Arena – Nur–Sultan. Il-kowċ ta’ Valletta Darren Abdilla hu konxju ta’ dan iżda rrelevanti mill-kwalifikazzjoni, jinsab iffukat li t-tim tiegħu jkollu l-aħjar prestazzjoni possibbli f’din il-logħba.

“Aħna nemmnu fina nfusna u nilagħbu biex nirbħu. Għalhekk probabbilment spiċċajna biex sofrejna ħames gowls.” Hu fakkar kif f’din l-avventura Ewropea Valletta lagħbu kontra avversarji ta’ stoffa, hekk kif kemm Dudelange kif ukoll Ferencvaros jinsabu fil-play-offs tal-UEFA Europa League.

“Dak juri li t-tim għandu l-kuraġġ u l-karattru. Ejja nirriflettu u ma ninsewx ir-riżultati li ksibna. Skorjajna f’kull logħba li lagħbna anki jekk mingħajr diversi plejers. Ninsab kburi bil-plejers kollha għaliex naħseb li kellna kampanja pożittiva,” kompla l-kowċ ta’ Valletta.

Abdilla qal li qabel l-ewwel konfront kontra Astana, huma preparaw biex bir-riżultat ikunu għadhom b’ċans li jikkwalifikaw. “Għamilna żbalji individwali, l-ewwel wieħed jien. Kien hemm ukoll il-problema tal-vjaġġ u d-differenza tal-ħin. Mhumiex skuża imma għamlu differenza.”

Id-difensur ta’ Valletta u captain għal din il-logħba Ryan Camilleri qal li qed ifittxu li jkollhom prestazzjoni tajba. Hu semma kif Astana hu tim stabbilit fl-Ewropa anki minħabba r-rekord tagħhom fl-aħħar snin. Camilleri żied kieku evitaw żbalji individwali kienu jmorru aħjar żgur.

Għal din il-logħba wkoll, Darren Abdilla se jkollu jgħaddi mingħajr is-servizzi ta’ Jonathan Caruana, Santiago Malano u Bojan Kaljevic li huma kollha mweġġa’ kif ukoll Steve Borg li se jiskonta t-tielet u l-aħħar logħba sospensjoni. Magħhom żdied ukoll il-gowlkiper Henry Bonello u b’hekk Yenz Cini se jkun qed jilgħab fil-lasta.

Il-kowċ ta’ Astana ma kienx sorpriż b’dak li ra minn Valletta fl-ewwel konfront

Intant f’konferenza stampa separata, il-kowċ ta’ Astana Roman Hrygorchuk qal li kull ħaġa li jagħmlu, jagħmluha għall-partitarji u se jagħmlu minn kollox biex ipaxxu lil 200 partitarju ta’ Astana li se jkunu preżenti għal dan il-konfront.

Hu żied li kienu raw il-logħbiet ta’ Valletta qabel ma lagħbu kontrihom u għalhekk ma kienx sorpriż b’dak li ra fl-ewwel logħba. Hrygorchuk kompla li għadu ma ħax deċiżjoni jekk hux se jserraħ xi plejers għaliex żied li d-deċiżjoni dwar min se jilgħab joħodhom qabel il-logħba.

Il-logħba se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali fit-8.00pm. Ir-referee se jkun Stephan Klossner mgħejjun mill-assistenti referees Remy Zgraggen u Efe Kurnazca mill-federazzjoni Żvizzera.