Lokali

Ħarab minn Malta wara ‘hit & run’

Sorsi qrib il-pulizija kkonfermaw li r-raġel li tajjar lil Victor Caruana, ħarab minn Malta wara li seħħ l-inċident. L-istess sors spjega li r-raġel ma jistax jinġieb Malta u jitressaq il-Qorti.

Victor Caruana li għandu 71 sena u residenti Ħal Luqa kien vittma ta’ hit & run fi Triq Gużeppi Ellul f’Ħal Luqa stess. Huwa kien ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief.

Victor Caruana

Il-Pulizija kienet elevat filmati minn kameras tas-sigurtà fiż-żona biex tinvestiga aktar u tinstab il-vettura li kienet involuta, madankollu ma tantx jidher li dak li wettaq dan ir-reat se jaffronta l-ġustizzja.

Net News jinsab infurmat li fit-triq fejn sar dan l-inċident ġew kemm il-darba proposti tibdil fis-sinjali tat-toroq; proposti li ilhom fuq il-mejda tal-Kunsill Lokali għal dawn l-aħħar 5 snin.