Internazzjonali

Il-Greċja: Qerda ta’ foresta unika min-nirien…

Nirien li qabdu fuq il-gżira Griega ta’ Evia qerdu parti kbira minn ‘foresta unika ddominata mis-siġar tal-arżnu’, bl-iskwadri għall-emerġenzi jagħmlu li jistgħu biex iżommu l-fjammi taħt kontroll.

Mijiet ta’ nies spiċċaw evakwati mill-villaġġi tal-madwar, bin-nirien jinfirxu b’ritmu mgħaġġel wara li kienu qabdu fis-sigħat bikrin tat-Tlieta.

Il-fjammi litteralment ‘belgħu’ l-artijiet ta’ foresta, bl-Aġent Gvernatur Reġjonali, Kostas Bakoyannis jammetti li f’dan il-każ ‘qegħdin jaraw diżastru ekoloġiku mill-akbar’.

‘Il fuq minn 200 membru tal-iskwadri għal kontra d-diżastri naturali kienu qed jikkumbattu man-nirien, bl-għajnuna ta’ għexieren ta’ fire-engines, ħelikopters u ajruplani attrezzati għal dawn is-sitwazzjonijiet.

L-Italja u Spanja wkoll offrew xi ajruplani addizzjonali biex jitfgħu l-ilma għal fuq foresti ta’ Evia, li hi t-tieni l-akbar gżira tal-Greċja.

Il-Prim Ministru Grieg, Kyriakos Mitsotakis, ħassar il-btajjel tas-sajf b’kaġun tal-kriżi waqt li radd ġieħ lill-membri tal-iskwadri għall-emerġenzi ‘li kienu qegħdin jagħmlu minn kollox possibbli biex jikkontrollaw il-fjammi.’

L-awtoritajiet fir-reġjun, intant, qalu li ‘is-sitwazzjoni setgħet kienet qed taqleb għall-aħjar’ wara l-aħħar sforzi bla heda minn dawn l-iskwadri.

Fil-fatt, Christos Stylianides, il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Umanitarji, issuġġerixxa li, għalkemm diffiċli, l-awtoritajiet għall-emerġenzi ‘għad jistgħu jillimitaw it-telf fuq bażi ekoloġika’.

Il-Greċja, is-sena l-oħra, ukoll kienet ġarrbet l-effetti traġiċi ta’ nirien qalb foresta, meta l-fjammi qerdu zoni tas-siġar tal-arżnu madwar Ateni, bir-riżultat li kienu tilfu ħajjithom madwar 100 persuna.