Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsill ta’ Ħal Balzan jappella biex ix-xogħlijiet jitlestew fi żmien qasir

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan qed japppella biex ix-xogħlijiet infrastrutturali jitkomplew u jitlestew fl-iqsar żmien possibbli.

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan sostna li dejjem laqa’ bħala aħbar pożittiva kull għajnuna jew ħidma mill-gvern ċentrali li twassal sabiex f’Ħal Balzan ikun hemm titjib infrastrutturali.

Huwa għalhekk mingħajr ebda dubju li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan dejjem ra bħala pożittiv il-fatt li l-karba tal-Balzanin sabiex il-Wied ta’ Ħal Balzan jiġi rranġat u magħmul mill-ġdid waslet sabiex sa fl-aħħar il-gvern ċentrali ta’ widen lil dan l-appell u beda l-ħidma fuq din it-triq.

Il-Kunsill Lokali jifhem li biex issir il-ħidma bil-fors ser ikun hemm xi perjodu ta’ inkonvenjent għar-residenti tal-inħawi. Jifhem ukoll li dan ix-xogħol mhuwiex wieħed ta’ għaġġla iżda li jrid isir b’attenzjoni sabiex l-affarijiet isiru sew.

Madankollu l-Kunsill Lokali huwa mħasseb li wara aktar minn sena dan il-proġett għadu fi stadju pjuttost bikri u għadu qed jikkawża inkonvenjenza assoluta għar-residenti tal-inħawi. Li wieħed jgħix għal aktar minn sena fi trabien, b’kanali tad-drenaġġ miftuħa quddiem id-dar tiegħu hija ċertament sitwazzjoni li bir-raġun tħasseb il-Kunsill Lokali.

Għalhekk il-Kunsill Lokali jappella lil dawk ikkonċernati f’dan il-proġett sabiex dan il-proġett meħtieġ jingħata l-attenzjoni xierqa u jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex l-inkonvenjent għar-residenti ta’ din it-triq jiġi riżolt.

Il-Kunsill Lokali huwa determinat li minn din il-kwistjoni ma’ jagħmilx ballun politiku. Din mhijiex kwistjoni partiġġjana imma huwa d-dmir u d-dover tal-Kunsill Lokali li fejn l-aħjar interess tarresident jidħol fin-nofs isemma’ leħnu.

Bla dubju ta’ xejn l-aħjar interess tar-resident huwa li dan ilproġett jitkompla u jitlesta fl-iqsar żmien possibli u bil-mod li jikkawża l-inqas inkonvejent possibli għar-residenti.

Tags