Lokali

Inħarsu l-interess Nazzjonali iżda ma nitilfux il-valuri tagħna

Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-fatt li preżentement għall-jum ieħor f’dan l-iktar staġun sħun u iebes li hemm bejn sema u ilma numru ta’ bnedmin li ħarbu lejn l-Ewropa. Kull persuna għandu l-istorja partikolari tiegħu, min għax persegwitat min għax qiegħed jgħix fil-faqar. 

Dan sostnieh il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Mifsud Bonnici u mis-Segretarja Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight.

Nifhmu f’dan ukoll li pajjiżna għandu il-limitazzjonijiet tiegħu. Ma nistgħux nieħdu fuqna r-responsabbilità kollettiva tal-Unjoni Ewropea.

Imma f’din il-pożizzjoni partikolari aħna għandna nibqgħu poplu li għandu l-valuri nsara tiegħu f’posthom. Jibqa’ wieħed li ma jabbandunax dak li jagħti sokkors lil min ħaqqu. Solidarjetà, altruiżmu u karità kienu u għandhom jibqgħu dejjem elementi li jsawruna. Ma għandniex niżbaljaw f’dan bħal ma qed naraw għaddej fil-ġenn politiku ta’ oħrajn.

Nifhmu d-diffikultajiet u l-komplikazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea, imma m’għandux jkun hemm skużi quddiem bnedmin bħalna. Hija tal-mistħija li l-art li tiftaħar b’kemm tiddefendi d-drttijiet fundamentali tal-bniedem ħadd ma jiċċaqlaq.

Proprju għalhekk li f’din il-pożizzjoni u fl-irresponsabbilità ta’ pajjiżi oħra, nappellaw kif diġa għamel il-Kap tal-Partit Dr Adrian Delia, sabiex l-Gvern jaġixxi fis-sewwa , jagħti lezzjoni lill-Unjoni Ewropea kollha u jassigura li l-persuni li huma vulnerabbli, tfal , nisa, anzjani u dawk li qegħdin ħażin jingħataw l-assistenza u jinġiebu f’pajjiżna.