Internazzjonali

Ir-Russja: Jiżdied b’sittax-il darba l-livell tar-radjazzjoni wara l-isplużjoni tar-rokit

Is-servizzi meteoroloġiċi tar-Russja qalu li l-livelli tar-radjazzjoni viċin sit lejn it-Tramuntana mbiegħda tal-pajjiż kienu ‘sittax-il darba akbar min-normal’. Dan kien irrappurtat wara l-isplużjoni ta’ rokit, nhar il-Ħamis, li ħalliet talanqas ħamsa mejtin, bl-aħħar livelli tar-radjazzjoni jkunu kalkulati fil-belt tal-port ta’ Severodvinsk.

L-isplużjoni seħħet ‘il hinn mill-kosta tal-belt u ġo faċilità militari fejn kienu għaddejjin il-provi għal magna li kellha tkun iġġenerata bl-enerġija nukleari.

Il-ħames mejtin fl-isplużjoni, qrib il-villaġġ ta’ Nyonoksa, kienu kollha xjenzati, bir-rapporti jirreferu wkoll għal diversi midruba.

Il-kalkoli tar-radjazzjoni ( gamma radiation) minn sitt stazzjonijiet fiz-zona ta’ Severodvinsk ( fejn jgħixu mal-180,000 resident) varjaw bejn erba’ u sittax-il darba akbar mir-rata normali ta’ 0.11 microsieverts fis-siegħa.

Sadanittant, il-kalkoli tas-servizzi meteoroloġiċi qed jidhru li jikkontradixxu r-rapporti inizjali tal-uffiċjali f’Severodvinsk.

Dan wara li l-awtoritajiet fil-belt, qabel, kienu qalu li l-livelli tar-radjazzjoni ftit wara l-isplużjoni kienu ogħla min-normal ‘għal xi 40 minuta biss’. B’kuntrast għal dan, is-servizzi ta’ Rosgidromet qalu li l-qabża fil-livell tar-radjazzjoni, fil-fatt, kienet damet għal sagħtejn u nofs.

L-isplużjoni kienet qajjmet paniku kbir fost ir-residenti tal-inħawi, b’ħafna nies jixtru l-jodju ( mediċinali) li kapaċi tillimita l-effetti tar-radjazzjoni. Fil-fatt, l-ispiżeriji fl-ibliet ta’ Severodvinsk u Arkhangelsk irrappurtaw li kienu qed jonqsulhom il-ħażniet tal-jodju f’dawn iċ-ċirkustanzi.

Sadanittant, il-kelliema għall-Kremlin ta’ Moska naqsu milli jelaboraw fuq id-dettalji tal-prova għall-magna li kellhom riżultati diżastrużi. Dan waqt li qalu lill-ġurnalisti li ‘l-inċidenti, sfortunatament, huma parti mill-ħajja’.

Huma anki konfliġġenti r-rapporti dwar l-evakwazzjonijiet potenzjali tar-residenti mill-inħawi ta’ Nyonoksa, b’uħud minn dawn ir-residenti jiżvelaw li huma kienu ġew mitluba jitilqu minn djarhom ‘qabel kellhom isiru sensiela ta’ eżerċizzji militari’.

L-uffiċjali f’Severodvinsk, imbagħad, ħarġu stqarrija fejn dehru li kkonfermaw id-direttiva għall-evakwazzjoni – iżda uffiċjali Russi oħrajn malajr ċaħdu għal dan, bil-Gvernatur reġjonali, Igor Orlov, ifisser id-direttiva bħala ‘ineżistenti u bla sens’.