Futbol Sport

Jurgen Klopp u Frank Lampard ifittxu l-ewwel suċċess fil-kompetizzjoni

(Ritratt: EPA)

Wara li tilfu l-finali tal-Community Shield, Liverpool se jkunu qed ifittxu li jiksbu l-UEFA Super Cup meta llum fid-9.00pm jiltaqgħu kontra Chelsea fil-finali li tintlagħab f’Istanbul. Bħala Champions Ewropej, Liverpool jibdew favoriti li jirbħu dan l-unur, anki għaliex huma ġejjin minn rebħa ta’ 4-1 f’Anfield kontra Norwich filwaqt li l-avversarji tagħhom ġejjin minn telfa ta’ 4-0 kontra Manchester United f’Old Trafford.

Liverpool se jilagħbu għal dan it-trofew wara li rebħu l-UEFA Champions League fil-finali kontra Tottenham filwaqt li Chelsea rebħu l-UEFA Europa League fil-finali kontra Arsenal. Liverpool żammew l-istess skwadra tas-sena li għaddiet filwaqt li Chelsea ma akkwistaw lil ħadd minħabba s-sospensjoni fis-suq tat-trasferiment. Għalkemm żammew xi plejers li kienu b’self u għandhom lil Christian Pulisic fl-iskwadra, Chelsea tilfu lil Eden Hazard f’dan is-sajf, plejer li kien meqjus bħala l-istilla tat-tim.

Il-manager il-ġdid ta’ Chelsea Frank Lampard mhux se jkun bl-aqwa skwadra minħabba li ż-żgħażagħ Ruben Loftus-Cheek u Callum Hudson-Odoi jinsabu mweġġgħin filwaqt li d-difensur Antonio Rudiger għadu mhux fl-aqwa kundizzjoni. Willian u Kante jistgħu jirkupraw b’tal-aħħar jidħol fl-aħħar parti tal-logħba kontra Manchester United.

Jurgen Klopp għandu anqas problemi iżda se jkun mingħajr il-gowlkiper Brażiljan Alisson Becker li weġġa’ fl-ewwel taqsima tal-logħba kontra Norwich il-Ġimgħa. Sadio Mane kien inkluż bħala sostitut fl-aħħar logħba iżda mhux mistenni li jibda mill-bidu hekk kif għadu qed jirkupra l-aqwa kundizzjoni.

Fl-aħħar logħba bejn dawn iż-żewġ timijiet fil-Premier League f’April li għadda, Liverpool kienu rebħu 2-0 b’daqqa ta’ ras ta’ Sadio Mane u ftit wara bi ġmiel ta’ gowl minn Mohamed Salah. Din kienet l-ewwel telfa ta’ Chelsea fl-aħħar sitt konfronti diretti.

Għall-ewwel darba din il-finali se tkun kontestata minn żewġ timijiet Ingliżi. Liverpool rebħu din il-kompetizzjoni tliet darbiet fl-1977, fl-2001 u fl-2005. Fuq in-naħa l-oħra Chelsea rebħu dan l-unur fl-1998 iżda tilfu fl-aħħar żewġ finali li lagħbu fl-2012 u fl-2013.

Din se tkun partita speċjali minħabba l-fatt li fl-istorja ta’ din il-kompetizzjoni se tintuża għall-ewwel darba l-VAR. Ukoll il-logħba se tkun ikkontrollata mill-Franċiża Stephanie Frappart li b’hekk se ssir l-ewwel mara li se tkun referee f’logħba tal-UEFA tal-irġiel.

L-aħħar għaxar rebbieħa

2009  Barcelona v S. Donetsk 1-0

2010  Inter v A. Madrid 0-2

2011  Barcelona v Porto 2-0

2012  Chelsea v A. Madrid 1-4

2013  B. Munich v Chelsea 2-2(5-4 wara l-għoti tal-penalties)

2014  R. Madrid v Sevilla 2-0

2015  Barcelona v Sevilla 5-4(wara l-ħin barrani)

2016  R. Madrid v Sevilla 3-2(wara l-ħin barrani)

2017  R. Madrid v Man United 2-1

2018  R. Madrid v A. Madrid  2-4(wara l-ħin barrani)