Kultura Lokali

Kunċert Annwali fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Bambina

L-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina A.D.1947 tal-Mellieħa se tkun qiegħda żżomm l-appuntament tagħha billi ttella’ l-kunċert annwali fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Bambina nhar il-Ħadd 1 ta’ Settembru fit-20.15 fil-pjazza tal-Parroċċa tal-Mellieħa, kunċert li kiseb popolarita’ kbira u li hu mfittex minn ħafna. 

Dan il-kunċert se jkun mżewwaq b’diversi tipi ta’ mużika, minn stil klassiku sa dak modern, u li se jolqot l-gosti ta’ kulħadd. DaniIl-kunċert mużikali li ilu jigi mtellgħa mill-1992, se jkollu fi ħdanu kantanti, żeffiena, kor u orkestra u diversi protagonisti oħra fosthom Claire Caruana, Ludwig Galea, Sarah Bonnici, Marsa Pipes and Drums, u kif ukoll Paul Curmi Dancers.

L-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina tistieden lill-pubbliku sabiex jattendi għal dan il-kunċert ferm imżewwaq bħal dejjem. 

Ta’ min jgħid ukoll li d-daqq li jsir fil-knisja Arċipretali tal-Mellieħa kemm ta’ lejliet kif ukoll ta’ nhar il-festa huma fir-responsabilta’ tal-kor u l-orkestra tal-istess Għaqda. Il-mużika tal-quddies u l-għasar li jindaqqu fil-festa, hija kompożizzjoni tal-eks-surmast tal-Għaqda Mro Carmel Muscat, filwaqt li ż-żewg antifoni huma ta’ Mro. Carmel Muscat u t’Aronne Sultana.

Id-direzzjoni mużikali se tkun ta’ Mro. Michael Bonanno