Internazzjonali

L-Italja: Salvini jinsisti dwar il-ħtieġa għal elezzjonijiet mill-aktar fis

Il-Viċi Prim Ministru Taljan, Matteo Salvini, qal li l-Italja għandha tgħaddi minn elezzjonijiet ġodda mill-aktar fis possibbli. Dan filwaqt li insista li l-kriżi politika li qamet matul il-ġimgħa li għaddiet ‘mgħandhiex twassal għall-formazzjoni ta’ gvernijiet strambi’ f’Ruma.

Sadanittant, Salvini – il-Kap tal-Lega li għandu wkoll responsabbiltà għall-Intern – qal li l-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, għandha tgħaddi fl-20 ta’ Awwissu. Dan meta l-Lega kienet ippreżentat il-mozzjoni partikulari fis-Senat.

Matteo Salvini sostna li ħafna nies qegħdin jitolbuh biex jaċċerta li ma jsirux ‘logħob għall-poter’ u biex l-Italja ma jkollhiex il-Gvernijiet teknokratiċi. Hu kompla li f’dawn iċ-ċirkustanzi, ‘l-aktar mod trasparenti u demokratiku għandu jkun l-impenn għall-elezzjonijiet ġodda fl-Italja.’

Salvini saħaq li qed isir minn kollox possibbli biex il-poplu Taljan jeżerċita d-dritt għall-vot u li ‘aktar ma jsiru malajr l-elezzjonijiet, aħjar ikun għall-pajjiż kollu’.

Is-Senat Taljan, aktar kmieni fil-ġimgħa, ippospona dibattitu dwar il-kriżi attwali fil-Gvern Taljan. Dan meta Salvini, nhar it-Tlieta, kien ipprova jikkonvinċi lill-Parlament biex iwitti t-triq għall-elezzjonijiet ġodda.

Kien proprju l-ġimgħa l-oħra li Salvini warrab għall-koalizzjoni li qed tmexxi lill-Italja meta qed jipprova jisfrutta l-popolarità tiegħu u jwassal għall-elezzjonijiet li kapaċi jikkonfermawh bħala Prim Ministru ġdid.

Intant, il-Moviment Cinque Stelle, is-sieħeb fil-koalizzjoni ta’ Salvini, qed jikkunsidra li jissieħeb mad-Demokratiċi tax-Xellug (fl-Oppożizzjoni) tal-eks Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi bil-għan li jiffurmaw Gvern ġdid u jevitaw elezzjoni ġenerali, erba’ snin qabel id-data programmata.

Matteo Salvini, flimkien mal-Prim Ministru Conte, il-President Taljan Sergio Mattarella u l-Viċi-Prim Ministru l-ieħor, Luigi Di Maio, illum kienu fost l-uffiċjali preżenti fil-belt ta’ Genoa għall-kommemorazzjoni tal-kroll traġiku tal-pont ta’ Morandi li kien seħħ is-sena l-oħra u sewa l-ħajja ta’ 43 persuna.