Lokali

L-MUMN tordna direttivi ġodda fl-Isptar Mount Carmel

In-numru ta' sodod miżjuda fil-kurituri juri n-nuqqas ta' ppjanar u n-nuqqas ta' rispett għall-pazjenti tas-saħħa mentali.

B’effett immedjat, l-infermiera fl-Isptar Mount Carmel qed jirrifjutaw li jżidu sodod fil-wards tagħhom filwaqt li se jirrifjutaw aktar pazjenti meta l-ward tkun mimlija. Dan qalu fi stqarrija l-President tal-MUMN Paul Pace.

L-MUMN ilha tisħaq li s-servizzi tal-komunità mentali qatt mhu se jieħdu post l-Isptar Mount Carmel. Fil-fatt l-Isptar Carmeli mhux attrezzat għall-ħtiġijiet tal-popolazzjoni Maltija u hemm ħtieġa kbira ta’ swali ġodda fl-istess Sptar.

L-infermiera u l-ħaddimea li jaħdmu f’dan l-Isptar, ta’ kuljum qed jiffaċċjaw sfidi kbar minħabba nuqqas ta’ sodod kaġun ta’ għeluq ta’ swali minflok sar tiġdid fihom.

Bħalissa l-management ta’ dan l-Isptar qed jagħmel kull tip ta’ pressjoni fuq l-infermiera biex iżidu sodod ġodda fil-kurituri tas-swali. Dan juri n-nuqqas ta’ ppjanar u n-nuqqas ta’ rispett għall-pazjenti tas-saħħa mentali. L-MUMN qalet li mhux se tittollera li l-pazjenti u l-infermiera fl-Isptar Mount Carmel ibatu l-konsegwenzi minħabba pjanar ħażin.

L-istqarrija tgħid li dan kollu juri biċ-ċar li s-sitwazzjoni sejra lura kuljum… bil-management tal-Isptar Mount Carmel m’għandu la l-ħiliet u lanqas l-għarfien dwar kif il-qasam tas-saħħa mentali f’Malta għandu jitmexxa.

L-MUMN issotni li mhux se taċċetta li sodod miżjuda għandhom jitqiegħdu fil-kuritur tal-swali peress li dan se joħloq sitwazzjoni ulterjuri b’detriment għall-pazjenti u l-infermiera.

L-istqarrija ttemm tgħid li issa wasal iż-żmien li s-swali li ngħalqu minħabba nuqqas ta’ arranġament, jinfetħu sabiex l-infermiera u l-pazjenti jkollhom ambjent sigur u isbaħ…. totalment kuntrarju għal dak li qed jiġri llum fis-swali ta’ dan l-Isptar.