Ambjent Lokali

L-Oppożizzjoni favur il-ħarsien tal-art f’ODZ u l-ħar​sien tal-art agrikola

It-Tnejn waranofsinhar, waqt il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent u Ippjanar li talbet l-Oppożizzjoni fil-25 ta’ Lulju li għadda dwar ir-reviżjoni tal-Fuel Stations Policy li ila tinħema iktar minn sena u nofs, l-Oppożizzjoni wriet għala ma tistax tkun favur din it-taparsi reviżjoni li fil-fatt hija skuża għal iktar spekulazzjoni ta’ art agrikola u art ODZ.

Dan sostnieh il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma David Agius, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives Jason Azzopardi u minn Marthese Portelli, Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà

Il-fatti huma dawn:

1.           l-aħħar darba li l-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent iddiskuta l-Fuel Stations Policy riveduta kien fil-25 t’April 2018;

 2.           Fit-30 t’April 2019 il-Planning Authority ippublikat ir-Reviżjoni ta’ din il-Policy;

 3.           Fl-14 ta’ Ġunju 2019 għalaq il-perjodu għas-sottomissjonijiet tal-pubbliku ‘l istess Awtorità dwarha.

 4.           Fil-frattemp baqgħu jiġu u qed jiġu pproċessati applikazzjonijiet mill-PA abbażi tal-Policy eżistenti.

 5.           Il-Policy kif riveduta issa mhix qed tistipula distanza minima bejn fuel station li tkun rilokata u oħra eżistenti, qed tippermetti r-rilokazzjoni ta’ fuel stations fuq art ODZ u fuq art agrikola, qed tippermetti fuel station anke sa 3,000 metru kwadrat fuq art ODZ, u lanqas mhi tipprojbixxi, u allura tippermetti, li permess kummerċjali eżistenti fuq art ODZ milli jkollu change of use għal fuel station;

 6.           Il-Gvern irrifjuta milli jispjega x’ser jiġri minn dawn il-fuel stations li qed ikunu rilokati u mkabbra iktar milli huma llum ġaladarba fi ftit snin oħra l-pajjiż jaqleb għall-vetturi li jaħdmu bl-elettriku biss. Hu ċar li l-Gvern irid ikompli jiftaħ il-bieb għal iktar spekulazzjoni ta’ art anke fil-ġejjieni, flok jahseb ghall-ħarsien ambjentali u ghall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

 7.           Il-Gvern ma spjegax għala anke fuel station żgħira ħafna tista’ issa tkun rilokata u mkabbra sa 1,000 metru kwadrat fuq art art agrikola;

Fid-dawl ta’ dan, l-Oppożizzjoni tkelmet matul il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u Ippjanar favur il-ħarsien effettiv tal-art agrikola, tal-art ODZ, u allura oġġezzjonat għal din it-taparsi Reviżjoni u kontra l-ispekulazzjoni tal-art agrikola.

Għal dawn ir-raġunijiet, li ħafna minnhom sabu eku anke fl-oġġezzjonijiet tal-għaqdiet ambjentali li tkelmu matul il-laqgħa, l-Awtorità tal-Ippjanar ser ikollha terġa’ tirrevedi l-Policy tar-rilokazzjonijiet tal-Fuel Stations.

Nhar it-Tnejn dehret ċar id-differenza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni: il-Gvern li b’mod sfacct irid jippermetti aktar sfreġju ambjentali f’art agrikola u art ODZ u li jiġi jaqa’ u jqum minn dawk li ġejjin warajna, u l-Oppożizzjoni li ma tridx li jsir abbuz minn art ODZ u art agrikola bl-iskuza ta’ rilokazzjonijiet ta’ fuel stations għax trid tħares il-ġid komuni fl-interess ta’ dawk li ġejjin warajna.