Sport Sport Ieħor

Serena Williams tirtira mill-Masters ta’ Cincinnati

(Ritratt: EPA)

Serena Williams irtirat mill-Masters ta’ Cincinnati, jiem wara li kienet sfurzata tirtira mill-finali tat-Tazza Rogers minħabba problemi f’daharha. Williams kienet mistennija tilgħab kontra Zarina Diyas fl-ewwel rawnd. B’hekk l-Amerikana ta’ 37 sena rtirat mill-ħames avvenimenti li ma kinux Grand Slam din is-sena.

Williams esprimiet id-diżappunt tagħha għal din id-deċiżjoni u qalet li dan it-tournament hu wieħed mill-aktar li tħobb tilgħab fih. Hi kompliet li waslet f’Ohio l-Ħadd u pruvat minn kollox biex tkun tajba għal-logħob. Hi kienet għadha tittama wara t-taħriġ filgħodu iżda sostniet li daharha għadu mhux fl-aħjar kundizzjoni.

Il-Ħadd li għadda, Williams irtirat fil-finali tat-Tazza Rogers meta kienet 3-1 minn taħt biex tat it-titlu lil Bianca Andreescu. Din l-aħbar tasal anqas minn ġimagħtejn qabel il-bidu tal-Open tal-Istati Uniti fejn se tipprova tagħmel attentat ieħor biex tikseb l-24 Grand Slam fil-karriera.

Intant oħtha Venus għelbet liċ-champion renjanti Kiki Bertens 6-3, 3-6, 7-6 fit-tieni rawnd, f’logħba li damet sagħtejn u 17-il minuta.