Lejliet il-Festa ta’ Santa Marija Assunta f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex u ma jistax jonqos ix-xogħol li ma jaqta’ xejn bi preparazzjonijiet għall-ispettakli pirotekniċi.
In-Nazzjon żar l-art fl-Imqabba fejn bħalissa diversi persuni sfidaw ix-xemx tiżreġ li jġib miegħu Awwissu biex itellaw spettaklu ta’ nar sinkronizzat mal-mużika b’elementi innovattivi. Hekk kif l-Erbgħa filgħaxija saret wirja speċjali ġewwa l-Imqabba, kienu ħafna dawk li ma qalawx għajnejhom minn fuq xogħolhom bl-iskop li jlestu kollox sa filgħaxija.
“Se nkunu qed nassistu għal wirja piromużikali ta’ 26 minuta fejn ħa naħarqu ‘l fuq minn 12,000 murtal ta’ diversi daqs,” saħaq b’passjoni sħiħa Jason Borg, filwaqt li żied jgħid, “L-ewwel 10 minuti ħa tkun ibbażata fuq mużika tal-Queen imbagħad fl-aħħar ħa jkolna se nispiċċaw bil-kbir hekk kif se nintroduċu ċerti elementi ġodda ta’ nar u ammont konsiderevoli ta’ blalen kbar.”
Jason Borg kompla jispjega kif xogħol ta’ ftit minuti jieħodilhom ix-xhur biex jipperfezzjonaw kollox għal ġurnata finali.
“Prattikament nibdew minn Settembru bi pjanar, isir in-nar bażiku u nibqaw nippjanaw biċċa biċċa,” qal Borg, filwaqt li kompla jgħid, “Fl-aħħar nibdew ngħaqdu l-proġett u ngħaqqdu mal-mużika.”
Ritratti: Matthew Tabone
Minn hemmhekk imxejna għall-Qrendi fejn ukoll kienu għaddejjin bl-aħħar preparamenti b’rata mgħaġġla minn naħa tad-dilettanti.
Kif wieħed jidħol ġewwa dan ir-raħal, l-ewwel ħaġa li jinnota hija l-ammont ta’ nar tal-art li hemm armat biex jinħaraq.
Mario Zerafa spjegalna iktar dwar l-ispettaklu b’element pirotekniku ġewwa r-raħal tiegħu li se jittella’ l-Erbgħa filgħaxija wkoll.
“L-ispettaklu beda għall-ħabta tad-9.30 ta’ filgħaxija bl-ispettaklu bl-isem ta’ ‘The Conquest of Darkness’,” saħaq Zerafa filwaqt li żied jgħid, “Għandna fuq nofs siegħa sew f’nar sinkronizzat mal-mużika li dan se jkun maqsum fuq żewġ partijiet. L-ewwel parti segwita b’murtali tradizzjonali u wara ngħalqu b’aktar nar sinkronizzat mal-mużika. Iżda dan mhux kollox hekk kif hawn ħarqa kbira tal-art u wara spettaklu ieħor ta’ nar sinkronizzat ma’ mużika b’diversi effetti speċjali li ħa nżanżnuhom dis-sena għall-ewwel darba.”
Ritratti: Matthew Tabone
Dan kollu se jkun qed iwassal għal tmiem lejlet il-festa ta’ Santa Marija f’diversi lokalitajiet.
Filmat: Steve Psaila
Muntaġġ: Vanessa Mizzi