Sport Sport Ieħor

Tingħata l-aħħar tislima lil Lambrecht

(Ritratt: EPA)

Mijiet ta’ ħbieb u partitarji ħonqu t-toroq viċin il-knisja fir-raħal ta’ Knesselare fil-Bejgju sabiex jagħtu l-aħħar tislima lil Bjorg Lambrecht, iċ-ċiklist żagħżugħ ta’ 22 sena li miet traġikament il-ġimgħa li għaddiet. Mal-wasla fil-knisja, Bjorg Lambrecht inġarr minn ċiklisti sħabu tat-tim Lotto Soudal li bħalu kienu qed jieħdu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tour tal-Polonja.

Iċ-ċiklist Belġjan Bjorg Lambrecht miet wara ħabta fit-tielet stadju tat-Tour de Pologne. Lambrecht ħabat madwar 60 mil mit-tmiem tat-tellieqa minn Chorzow lejn Zabrze fil-Polonja. Mal-inċident kien ittieħed bil-ħelikopter lejn l-isptar fejn miet aktar tard.

Huwa kien fit-tieni staġun tiegħu fl-ogħla livell ta’ ċikliżmu professjonali u kien meqjus bħala wieħed mill-aktar ċiklisti Belġjani promettenti. Hu rebaħ il-kategorija ta’ taħt it-23 sena tat-tellieqa klassika Liege-Bastogne-Liege fl-2017 u temm fit-tieni post fil-Kampjonat tad-Dinja tal-2018 fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena.