Il-kowċ nazzjonali Malti Karl Izzo laqqam il-prestazzjoni taż-żgħażagħ Maltin kontra r-Russja bħala waħda mill-aqwa logħbiet waterpolo fuq livell nazzjonali. Hu qal li jinsab kburi bil-plejers fejn it-tim kien tattikament perfett u d-dispjaċir tiegħu hu li fallew xi sitwazzjonijiet ta’ man-up li kienu jrebbħu l-logħba.
“Il-plejers kollha taw kollox f’impenn kollettiv ta’ livell għoli. Illum urejna li Malta tista’ tilgħab indaqs kontra l-aqwa nazzjonijiet fil-waterpolo. Dan kien riklam ieħor eċċellenti għall-waterpolo Malti. B’rasna ‘l fuq, inħarsu għal-logħba kontra l-qawwa tas-Serbja.”
Il-fiduċja f’dak li tista’ tikseb tagħmlek rebbieħ f’okkażjonijiet bħal dawn – Joe Caruana Curran, President tal-ASA
Il-President tal-ASA wkoll faħħar lit-tim wara l-logħba. Hu qal li kieku ftit jiem ilu qal lill-plejers biex jiffirmaw għal dan ir-riżultat kienu jagħmluha, iżda jifhem id-diżappunt li jħossu li hu riżultat diżappuntanti.
“Mhux biss ir-rebħiet li jagħmluk rebbieħ imma aktar importanti hi l-fiduċja f’dak li tista’ tikseb li tagħmel rebbieħ f’okkażjonijiet bħal dawn. Dan ir-riżultat u dak tar-rebħa kontra t-Turkija huma kapitlu importanti fil-karriera tagħhom. Riżultati bħal dawn huma l-premju tal-isforzi tagħhom.”
“Bis-sapport kostanti tal-klabbs tagħhom u l-ASA, il-lezzjonijiet li għandhom jiġu mgħallma mill-kowċis tal-klabbs u l-istaff tekniku tat-tim nazzjonali huma li dawn iż-żgħażagħ jistgħu jħarsu lejn karrieri mill-isbaħ.”
Il-President tal-ASA kompla li grazzi għall-prestazzjoni kollettiva li kellhom, jistgħu jħarsu b’kunfidenza għal-logħba importanti kontra s-Serbja. Hu tenna ċ-ċertezza li t-tim se jagħti kollox biex iżid prestazzjoni oħra ma’ dawk li ra sa issa fi Tbilisi. “Il-Waterpolo jagħmel nazzjon kburi.”
//= $special ?>