Lokali

182 tlugħ u nżul ta’ ajruplani f’jum wieħed fl-MIA

Il-Ġimgħa ta’ Santa Marija, jew kif isejħulha it-Taljani Ferragosto.

Statistikament l-aktar ġimgħa popolari għall-vaganzi fost l-Ewropej, kif tixhed ukoll iż-żieda drastika fl-attività fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Filfatt sa l-aħħar ta’ din il-ġimgħa aktar minn 185,000 passiġġier mistenni jgħaddi mill-Ajruport ta’ Malta.

L-attività ġewwa l-ajruport mistennija tilħaq il-quċċata llum fejn huma skedati 182 tlugħ u nżul tal-ajruplani, b’moviment ta’ madwar 30,000 passiġġier.

Ftit pariti għal min qed jivvjaġġja f’dawn il-jiem jistgħu jgħinu biex l-esperjenza fl-Ajruport tkun waħda aktar pjaċevoli.

AQBEŻ IL-KJU

Passiġġieri li se jivvjaġġaw ma’ Lufthansa, Aegean Airlines, SAS Airlines, Turkish Airlines, BritishAirways jew Qatar Airways jistgħu jagħmlu użu mill-erba’ self-check-in kiosks li ġew installati fis-Salatat-Tluq. Wara li jirreġistraw lilhom infushom għat-titjira, l-passiġġieri jkunu jistgħu jaqbżu l-kju u jħallu l-bagalji tagħhom mal-bank ta’ prijorità tal-kumpanija tal-ajru li jkunu se jsiefru magħha.

Il-ħanut tad-Duty-Free tal-ajruport ukoll introduċa servizz ta’ xiri onlajn, li permezz tiegħu l-passiġġier ijistgħu jiffrankaw il-ħin billi sempliċiment jiġbru l-ordni tagħhom minn wieħed mill-kaxxiera tal-ħanut, huma u sejrin lejn il-gate tat-tluq tagħhom.

ĦU ĦSIEB L-AMBJENT

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed iħeġġeġ lill-passiġġieri biex inaqqsu l-impatt tal-ivvjaġġar tagħhom fuq l-ambjent billi jsegwu xi pariri sempliċi iżda effettivi. Fost il-pariri, li nħarġu bl-għan li jitnaqqas l-iskart iġġenerat f’kull stadju tal-vjaġġ tal-passiġġier, wieħed isib it-tnaqqis fil-piż tal-bagalji u l-użu ta’ trasport alternattiv lejn l-ajruport, kif ukoll l-użu ta’ fliexken li wieħed jista’ jimla mill-funtani tal-ilma li jinsabu mxerrda madwar l-ajruport.

OĦLOQ MUMENTI SPEĊJALI

Fi sforz biex jaċċerta li kull vjaġġ jibda jew jintemm bl-aħjar mod possibbli, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jaħdem id f’id ma’ għadd ta’ msieħba u partijiet interessati sabiex joffri sorpriżi sajfin lil passiġġieri ta’ kull età. Filwaqt li pastizzi, ġelati u luminati se jitqassmu fis-Sala ta’ Tluq kuljum, attivitajiet speċjali, immirati lejn l-40,000 tifel u tifla li se jivvaġġaw matul Awwissu, ma jonqsux.

Għaldaqstant, jekk għandek il-bagalja għall-lest, issa ma jonqos xejn ħlief li ssegwi dawn il-ftit pariri biex l-esperjenza tas-safar tiegħek tibda’ b’wiċċ il-ġid.