Futbol Sport

Adrian l-eroj ta’ Liverpool fir-rebħ tal-UEFA Super Cup għar-raba’ darba fl-istorja tagħhom

(Ritratt: EPA)

LIVERPOOL……………………… 2 CHELSEA…………………………. 2

(Liverpool jirbħu 5-4 bil-penalties)

Liverpool: Adrian, J. Gomez, J. Matip, V. van Dijk, A. Robertson (T. Alexander-Arnold 91’), Fabinho, J. Milner (G. Wijnaldum 64’), J. Henderson, A. Oxlade-Chamberlain (R. Firmino 46’), M. Salah, S. Mane (D. Origi 103’)

Chelsea: K. Arrizabalaga, C. Azpilicueta, A. Christensen (F. Tomori 85’), K. Zouma, Emerson, N. Kante, Jorginho, M. Kovacic (R. Barkley 101’), P. Rodriguez, C. Pulisic (M. Mount 74’), O. Giroud (T. Abraham 74’)

Imwissija: C. Azpilicueta 79’ (C), J. Henderson 85’, T. Alexander-Arnold 107′ (L)

Skorjaw: O. Giroud 36’, Jorginho 100’ (C), S. Mane 48’, 95’ (L)

Referee: Stephanie Frappart (Franza)

Assistenti Referees: Manuela Nicolosi (Franza), Michelle O’Neill (Irlanda)

It-tieni gowlkiper ta’ Liverpool Adrian kien l-eroj taċ-Champions Ewropej hekk kif Liverpool rebħu l-UEFA Super Cup għar-raba’ darba fl-istorja tagħhom. Adrian lagħab wara li l-gowlkiper regolari Alisson Becker weġġa’ ġimgħa ilu u kien strumentali meta salva l-penalty deċiżiv ta’ Tammy Abraham wara li l-logħba baqgħet 2-2 sal-ħin barrani u l-penalties ġew skorjati kollha.

Din kienet l-ewwel darba li l-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp rebaħ dan l-unur filwaqt li għal Chelsea din kienet it-tielet telfa konsekuttiva f’din il-kompetizzjoni. Għall-ewwel darba din il-logħba kienet ikkontrollata minn referee mara.

Fl-ewwel minuti Liverpool kienu l-aħjar tim iżda mal-ħin Chelsea bdew joqogħdu. Wara 10 minuti, Kepa Arrizabalaga salva daqqa ta’ ras ta’ Joel Matip u xutt ta’ Fabinho.  Mal-kwarta logħob il-gowlkiper ta’ Chelsea ċaħħad lil Mohamed Salah minn pożizzjoni perikoluża.

Chelsea marru viċin li jiftħu l-iskor fit-22 minuta b’xutt mix-xellug ta’ Pedro Rodriguez li għeleb lil Adrian iżda ġie mċaħħad mill-mimduda, fost il-frustrazzjoni tal-manager Frank Lampard. Żewġ minuti wara Olivier Giroud prova b’rovexxjata li iżda għaddiet barra.

Virgil van Dijk għal ftit ma poġġiex lil Liverpool meta għola tajjeb għal korner mix-xellug, antiċipa l-ħarġa ta’ Kepa Arrizabalaga iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit għoli. Adrian spikka fit-33 minuta meta ħareġ fil-ħin biex waqqaf lil Mateo Kovacic li kien ġej waħdu fil-kaxxa.

Chelsea marru fil-vantaġġ fis-36 minuta meta N’Golo Kante qabad ballun f’nofs il-grawnd u qassam lejn Christian Pulisic li ġibed għan-nofs u qassam fl-ispazju wara d-difiża ta’ Liverpool lejn OLIVIER GIROUD. L-attakkant Franċiż kien f’pożizzjoni tajba biex b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Adrian.

Huma kienu għoddhom irduppjaw fl-40 minuta meta Pulisic avvanza fuq il-linja xellugija, ġibed għan-nofs u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Adrian. Madankollu l-gowl ġie mħassar minħabba li Pulisic kien offside meta rċieva l-ballun.

(Ritratt: EPA)

Liverpool bdew it-tieni taqsima bl-aħjar mod possibbli meta ġabu d-draw fis-47 minuta bis-sostitut Roberto Firmino jħalli impatt immedjata meta għeleb in-nasba tal-offside u qassam fuq il-lemin tiegħu lejn SADIO MANE, bil-gowlkiper Arrizabalaga jmiss il-ballun iżda baqa’ f’saqajn Mane biex skorja f’lasta vojta.

Fabinho mar viċin ftit wara b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li għadda ftit barra biex fil-51 minuta konklużjoni ta’ Jordan Henderson kienet imxellfa u għal ftit ma spiċċatx qarrqet bil-gowlkiper li iżda salva f’din l-okkażjoni.

Liverpool reġgħu marru viċin il-gowl kwarta mit-tmiem. Kien korner mil-lemin, xutt fil-baxx ta’ Mohamed Salah ġie salvat parzjalment minn Arrizabalaga, bil-gowlkiper Spanjol isalva bl-għajnuna tal-mimduda r-rebound ta’ van Dijk.

Chelsea ħasbu li skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-83 minuta meta s-sostitut Mason Mount irċieva ballun mingħand Jorginho, avvanza u għeleb lil Adrian b’xutt għar-rokna, iżda wkoll f’din l-okkażjoni l-gowl tħassar għal offside.

Il-logħba għaddiet għall-ħin barrani, b’Liverpool jagħmlu dak li għamlu fil-bidu tat-tieni taqsima u skorjaw. Reġa’ kien SADIO MANE li b’azzjoni fuq ix-xellug qassam lejn Roberto Firmino li rritornalu l-ballun u għeleb lil Arrizabalaga, bix-xutt jaħbat mal-mimduda qabel daħal fix-xibka.

(Ritratt: EPA)

Reazzjoni immedjata minn Chelsea li fil-100 minuta ġabu d-draw. Ir-referee Stephanie Frappart iġġudikat li Adrian waqqa’ lil Tammy Abraham fil-kaxxa f’deċiżjoni dubjuża. Mill-11-il metru nkariga ruħu JORGINHO li bagħat lil Adrian in-naħa l-oħra tal-ballun bil-kalma kollha.

Okkażjoni għal Chelsea qabel tmiem it-taqsima, bi kross fil-baxx ta’ Pedro Rodriguez isib lil Tammy Abraham li daħal tajjeb iżda naqas li jxellef il-ballun fix-xibka.

Żewġ azzjonijiet ta’ Chelsea fil-113-il minuta. L-ewwel kien Abraham li qassam lil Mount u kellu x-xutt b’saħħtu salvat tajjeb minn Adrian, biex ftit sekondi wara xutt insidjuż ta’ Pedro Rodriguez għadda ftit barra.

Il-logħba kellha tkun deċiża bil-penalties. Roberto Firmino, Fabinho, Divock Origi u Trent Alexander-Arnold skorjaw għal Liverpool filwaqt li Jorginho, Ross Barkley, Mason Mount u Emerson skorjaw għal Chelsea. Mohamed Salah skorja l-ħames penalty għal Liverpool biex Adrian salva x-xutt fil-baxx u ċentrali ta’ Tammy Abraham.