VALLETTA………………………….. 0 ASTANA………………………….. 4
Valletta: Y. Cini, E. Pena Beltre, J. Borg, R. Camilleri, J. Zerafa (E. Sala 53’), R. Muscat, D. Packer, K. Tulimieri (N. Pulis 62’), Y. Messias, M. Piciollo (S. Dimech 62’), M. Fontanella
Astana: N. Eric, A. Rukavina, E. Postnikov, L. Simunovic, D. Shomko (A. Beysebekov 80’), M. Tomasov, R. Sigurjonsson (Z. Tomasevic 68’), I. Maevski, S. Muzhikov (R. Janga 76’), R. Murtazayev, D. Rotariu
Imwissija: E. Pena Beltre 45’, K. Tulimieri 56’, E. Sala 58’ (V)
Skorjaw: R. Murtazayev 25’, 68’, M. Tomasov 37’, 89’ (A)
Referee: Stephan Klossner (Żvizzera)
Assistenti Referees: Remy Remigus Zgraggen, Efe Kurnazca (Żvizzera)
Kif mistenni, Astana aċċertaw mill-kwalifikazzjoni għall-play-off tal-UEFA Europa League meta kkonfermaw is-superjorità tagħhom fuq Valletta. Huma rebħu 4-0 biex għaddew b’aggregate ta’ 9-1. B’hekk tintemm l-avventura Ewropea ta’ Valletta li għalihom kienet suċċess hekk kif għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom għaddew għat-tielet rawnd ta’ kompetizzjoni Ewropea.
Iżda f’dan il-livell hemm differenza kbira ma’ tim li fl-aħħar ħames staġuni wasal sal-gruppi taċ-Champions League u l-Europa League. Tul il-logħba, Valletta pruvaw tal-anqas isibu x-xibka iżda Astana kkontrollaw tajjeb biex għall-ewwel darba fis-sitt logħba tagħhom fl-Ewropa f’dan l-istaġun, Valletta ma sabux ix-xibka.
Għal din il-logħba, il-kowċ ta’ Valletta Darren Abdilla kien mingħajr il-gowlkiper Henry Bonello, id-difensur Jonathan Caruana, il-midfielder Santiago Malano u l-attakkant Bojan Kaljevic, bid-difensur Steve Borg jiskonta t-tielet logħba sospensjoni.
Astana kellhom okkażjoni li jiftħu l-iskor wara ħames minuti meta Marin Tomasov tħalla waħdu fuq in-naħa leminija u xxuttja bix-xellug iżda Yenz Cini kien reattiv u salva tajjeb ix-xutt imdawwar. Erba’ minuti wara, ċans ieħor għal Astana b’Ivan Maeski jogħla tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu ġiet salvata parzjalment minn Cini, bid-difiża tbiegħed kif tista’.
Valletta kienu ħasbu li marru fil-vantaġġ fit-22 minuta b’xutt ta’ Mario Fontanella li kien imxellef u qabeż lil Nenad Eric iżda r-referee Żvizzeru ġġudika li l-plejer ta’ Valletta mess il-ballun b’idu. Astana fetħu l-iskor fil-25 minuta meta Serikzhan Muzhikov għadda tajjeb fl-ispazju lejn ROMAN MURTAZAYEV li minn tarf il-kaxxa ż-żgħira għeleb lil Cini.
Fontanella reġa’ kien perikoluż għal Valletta fit-32 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa li għalkemm kien b’saħħtu kien ċentrali u Eric salva f’darbtejn. Astana skorjaw ħames minuti wara meta minn ballun fit-tul wara d-difiża tipiku tagħhom, MARIN TOMASOV avvanza fuq il-lemin, qabbeż il-ballun fuq Cini u skorja f’lasta vojta. Ftit minuti wara, Yuri Messias prova għal Valletta b’xutt minn barra l-kaxxa li għadda għoli.
L-andament fit-tieni taqsima naqas biż-żewġ timijiet aktar jistennew il-ħin jgħaddi. Fl-54 minuta minn korner fuq it-tieni lasta ta’ Messias, daqqa ta’ ras ta’ Fontanella ħabtet man-naħa ta’ barra tax-xibka.
Minuta wara, Murtazayev kien perikoluż b’azzjoni fuq ix-xellug li poġġa f’diffikultà lid-difiża Beltija, b’Cini jimblokka parzjalment filwaqt li d-daqqa ta’ ras ta’ Runar Sigurjonsson kienet dgħajfa. Mas-siegħa logħob, Tomasov tefa’ free-kick mil-lemin fil-kaxxa, b’Dorin Rotariu jidħol tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras minn qagħda tajba għaddiet barra.
Valletta kienu sfortunati fil-65 minuta meta laqtu l-lasta. Is-sostitut Eslit Sala ta ballun fit-tul lejn Mario Fontanella li dar mal-gowlkiper u kkonkluda fil-baxx iżda t-tentattiv ħabat mal-wieqfa.
Bħalma ġara fl-ewwel taqsima, wara azzjoni perikoluża ta’ Valletta, Astana wieġbu b’gowl fit-68 minuta. Kien kross mil-lemin ta’ Antonio Rukavina li sab lil ROMAN MURTAZAYEV li b’daqqa ta’ ras għar-rokna għeleb lil Cini. Valletta baqgħu jippruvaw isibu l-gowl u fit-80 minuta l-ewwel kien Nenad Eric li salva xutt perikoluż ta’ Shaun Dimech biex mill-istess azzjoni d-daqqa ta’ ras finali ta’ Nicholas Pulis għaddiet fuq il-lasta.
Fit-88 minuta Astana laqtu wkoll il-lasta b’xutt b’saħħtu tas-sostitut Rangelo Janga li heżżeż il-mimduda. Minuta wara ċ-champions tal-Każakistan sabu wkoll ir-raba’ gowl bi kross mix-xellug tas-sostitut Abzal Beysebekov li qata’ lura lejn MARIN TOMASOV li b’xutt fuq il-ġirja minn pożizzjoni ċentrali għeleb lil Cini.
//= $special ?>