Lokali

Il-Bank HSBC immultat €5,000 fuq ksur ta’ privatezza ta’ impjegat

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data immulta lill-bank HSBC €5,000 wara li nstabu ħatja li kien hemm proċessar mhux leċitu tad-data tal-kontijiet ta’ impjegat tal-bank.

L-Impjegat, Mark Muscat, kien ilmenta li l-bank għamel monitoraġġ eċċessiv tad-data tal-kont personali tiegħu u li kienu qed isegwu l-posts tiegħu fuq social media.  Il-Bank kien ittermina l-impjieg ta’ Mark Muscat fl-aħħar tas-sena li għaddiet iżda l-kwistjoni tmur lura ghall-2013 meta Muscat kien talab lill-bank biex jagħmel xogħol part-time.

Il-management tal-HSBC kellu suspett li dan ix-xogħol kien qed imur kontra l-kundizzjonijiet imposti mill-bank u biex jivverifika dan, il-bank beda investigazzjoni interna fuq il-kontijiet ta’ Mark Muscat.

Muscat qatt ma kien informat dwar din l-investigazzjoni.

Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data Saviour Cachia, qal li l-bank approfitta mill-posizzjoni tiegħu li jkollu aċċess għall-kontijiet bankarji tal-impjegat tiegħu, xi ħaġa li employers oħrajn ma jistgħux jagħmlu.

Dan l-eżerċizzju jikkostitwixxi ksur tal-liġijiet tal-protezzjoni tad-Data, ikkonkluda l-Uffiċċju tal-Kummissarju.

It-tieni ilment kien dwar ipproċessar ta’ posts fuq social media.

Hawnhekk, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data innota li l-posts in kwistjoni kienu miktuba minn Mark Muscat stess fuq grupp magħluq fuq Facebook, li tiegħu Muscat kien l-amministratur.

Peress li l-Grupp kien jinkludi impjegati tal-bank, m’hemm xejn li jżomm membri ta’ dan il-grupp li juru posts lill-management tal-bank u għaldaqstant, kwistjonijiet ta’ ksur ta’ privatezza fuq social media m’humiex l-istess bħal dawk li jinvolvu komunikazzjoni privata.

Fl-2017, il-Kap tar-Riżorsi Umani tal-HSBC kien informa lil Mark Muscat li l-posts imorru kontra l-proċeduri ta’ riżorsi umani, il-ftehim kollettiv u l-policy tal-bank dwar l-użu tal-media soċjali.

Il-Bank kien ukoll fetaħ proċeduri ta’ libell kriminali kontra Muscat li iżda kienu irtirata wara l-bidla fil-liġi s-sena li għaddiet.

Il-Kummissarju tad-Data qal li meta jitqies il-kuntest ta’ kwistjoni ta’ xogħol li kienet tinvolvi proċeduri quddiem il-Qrati, il-Bank kellu interess leġittimu li jipproċessa data personali fil-post fuq Facebook.

Għaldaqstant, il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data sab lil Bank ħati ta’ ksur tal-liġi meta daħal fil-kontijiet bankarji ta’ wieħed mill-impjegati tiegħu iżda mhux ħati ta’ ksur meta ipproċessa data fuq posts fil-media soċjali. Il-Kummissarju impona multa amministrattiva ta’ €5,000 lill-Bank HSBC