Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Twissija dwar missili ‘li jiftħu għal Gwerra Bierda oħra’

T

Il-Korea ta’ Fuq komunista wissiet li l-Istati Uniti kapaċi twassal għal Gwerra Bierda ġdida flimkien ma’ ‘tellieqa għall-armamenti’ f’każ li tiddeċiedi biex tistazzjona l-missili li jwasslu fuq distanzi ta’ bejn 1,000 u 5,500 kilometru fl-art tal-Korea t’Isfel.

Is-sorsi tal-aħbarijiet fi Pyongyang irriferew ‘għall-pjan tal-Amerikani biex iqiegħdu l-missili fir-reġjun tal-Asja u fil-Korea t’Isfel b’mod partikulari’. Huma sostnew li aġir bħal dan irid jitqies bħala azzjoni ‘sfaċċata’ li żgur teskala t-tensjoni fir-reġjun.

Qabel, is-Segretarju għad-Difiża Amerikan, Mark Esper, qal li kien favur l-istazzjonar ta’ missili ta’ ċertu kalibru fl-Asja. Il-kummenti ta’ Esper ingħataw wara li l-Istati Uniti kienet irtirat uffiċjalment mill-Intermediate-Range Nuclear Forces Treaty mar-Russja. Madankollu, uffiċjali ewlenin oħra qalu li l-istazzjonar tal-missili għandu jkun ‘snin ’il bogħod’.

Il-Ministeru tad-Difiża tal-Korea t’Isfel għadu jinsisti li ma saru l-ebda taħditiet mal-Istati Uniti rigward l-istazzjonar tal-missili (li huma prodotti mill-Amerikani) fuq livell intermediate fit-territorji ta’ pajjiżu.

Sadattant, il-Korea ta’ Fuq komunista qed tikkundanna l-aħħar titjib għas-siti militari fil-Korea t’Isfel li jinkludu s-sistemi THAAD għad-difiża kontra l-missili ballistiċi.

Il-Korea ta’ Fuq, fl-aħħar jiem, wettqet sensiela ta’ provi għall-missili li l-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, irrifera għalihom bħala ‘twissija’ kontra l-eżerċizzji militari konġunti min-naħa tal-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel.