Futbol Sport

Illum ikompli t-tournament The Convenience Cup

It-tournament The Convenience Cup ta’ qabel l-istaġun li qed jintlagħab fiċ-Charles Abela Stadium fil-Mosta jkompli llum b’żewġ logħbiet. San Ġwann jilagħbu kontra Qormi u warajhom Żejtun Corinthians jilagħbu kontra Żebbuġ Rangers, żewġ timijiet tal-Ewwel Diviżjoni. Minbarra dawn l-erba’ timijiet, qed jieħdu sehem Mġarr United.

It-Tnejn beda dan it-tournament b’Qormi u Żejtun Corinthians jispiċċaw 1-1 sad-90 minuta, bil-Qriema joħorġu rebbieħa 6-5 wara l-għoti tal-penalties. Qormi kienu marru fil-vantaġġ fis-26 minuta permezz ta’ Tensior Gusman. Żejtun ġabu l-iskor indaqs fis-87 minuta b’xutt tajjeb ta’ Julien Iwueke biex il-logħba kellha tkun deċiża bil-penalties.

Fit-tieni logħba, San Ġwann rebħu 1-0 kontra Mġarr United. Inċidentalment dawn iż-żewġ timijiet se jilagħbu kontra xulxin fl-ewwel ġurnata tat-Tieni Diviżjoni. Fuq il-bank ta’ San Ġwann għamel id-debutt il-kowċ Jean Paul Desira. Il-gowl rebbieħ wasal fl-aħħar minuti permezz ta’ Jean Paul Attard li skorja b’xutt tajjeb minn barra l-kaxxa.

Logħob li jmiss

Charles Abela Stadium

Illum: San Ġwann v Qormi 6.30pm, Żejtun Corinthians v Żebbuġ Rangers 8.30pm