Sport Waterpolo

In-nuqqasijiet fl-attakk jispiċċaw ikunu fatali għaż-żgħażagħ Maltin

(Ritratt: Georgia Aquatic Association)

MALTA…………………………….. 4 GEORGIA………………………………. 7

(2-3), (1-0), (1-2), (0-2)

Difiża brillanti iżda attakk fqir. Dawn l-ingredjenti kkaratterizzaw il-logħba tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena hekk kif ħareġ tellief kontra l-Georgia 7-4. Kollox ma’ kollox kienet rebħa meritata għal Georgia minħabba li kellhom naqra aktar finezza mit-tim Malti, għalkemm iż-żgħażagħ Maltin kienu fil-logħba l-ħin kollu u setgħu anki rebħu l-konfront.

Spikka bla dubju l-gowlkiper Marco Rossi li kellu logħba tajba ħafna fil-lasta iżda t-traskuraġni fl-attakk ċaħħdet lit-tim Malti minn rebħa missielta. Fil-man-ups it-tim Malti skorja tliet gowls minn tmien okkażjonijiet. B’hekk it-tim ta’ Karl Izzo jilgħab il-logħba għada għall-11 u t-12-il post kontra l-Olanda fil-5.00pm.

Il-Georgia fetħu tajjeb b’doppjetta ta’ Besarion Akhvlediani fl-ewwel minuta u nofs tal-logħba. Reazzjoni tat-tim Malti li b’għaqal ikkonverta ż-żewġ man-ups li kellu f’gowls, l-ewwel permezz ta’ Nico Schiavone imbagħad minn Benji Cachia. Iżda xutt b’saħħtu tax-xellugi Luka Giorgadze reġa’ poġġa lil Georgia fil-vantaġġ.

Fit-tieni sessjoni t-tim Malti kien fqir fl-attakk b’diversi passaġġi żbaljati u nuqqas ta’ konklużjonijiet. Minkejja dan huma ma sofrewx gowl tul is-sessjoni hekk kif il-Georgia ma skorjatx man-up doppju u żewġ okkażjonijiet oħra ta’ superjorità numerika. Dan minbarra li spikka l-gowlkiper Marco Rossi li salva diversi tentattivi filwaqt li Benji Cachia kien strumentali fid-difiża. Jake Muscat irnexxielu jġib id-draw minn penalty fl-aħħar minuta biex iż-żewġ timijiet daħlu 3-3.

Il-Georgjani reġgħu marru fil-vantaġġ fil-ftuħ tat-tielet sessjoni b’xutt tajjeb ta’ Valiko Dadvani. It-tim Malti kellu superjorità numerika lejn nofs is-sessjoni b’Karl Izzo jsejjaħ time-out li minnu nħadmet azzjoni tajba b’Sebastian Busuttil ikompli għal ġewwa mis-centre. L-istess Busuttil kellu ċ-ċans li jpoġġi lil Malta minn fuq iżda xxuttja fjakk mill-viċin biex mill-attakk li jmiss Lasha Alavidze reġa’ poġġa lil Georgia minn fuq.

Il-plejers Maltin naqsu li jkun effettivi fl-attakk anki fl-aħħar sessjoni hekk kif baqgħu fil-logħba. Jake Bonavia falla ċ-ċans tad-draw minn qagħda ideali f’kontrattakk biex Alavidze li b’penalty anqas minn żewġ minuti u nofs għat-tmiem temm it-tamiet Maltin. Davit Chkeidze ssiġilla r-rebħa b’gowl madwar minuta mit-tmiem.

Malta: M. Vassallo, J. Farrugia, N. Schiavone (1), G. Melillo, M. Carani, B. Cachia (1), L. Falzon, S. Busuttil (1), G. Farrugia, J. Bonavia, M. Chircop, J. Muscat (1), M. Rossi

Georgia: G. Gvetadze, G. Eristavi, L. Alavidze (2), I. Gavasheli, D. Tevdorashvili, V. Dadvani (1), B. Akhvlediani (2), L. Giorgadze (1), A. Kiriakidi, D. Chkheidze (1), L. Chikovani, S. Tkeshelashvili, D. Tchumburidze

Referee: Manuel Manea (Rumanija), Robert Horvath (Slovakkja)