Internazzjonali

Jinħeles it-tanker tal-Iran minn Ġibiltà

L-awtoritajiet f’Ġibiltà irrilaxxaw tanker taż-żejt tal-Iran li kien inżamm ix-xahar li għadda fuq suspett li kien qed iwassal il-provvisti b’abbuż tas- sanzjonijiet. Id-deċiżjoni ttieħdet minkejja l-appell tal-aħħar minuta mill-Istati Uniti biex it-tanker jibqa’ miżmum f’Ġibiltà, li hi territorju tar-Renju Unit.

L-Iran, sadanittant, aċċerta lil Ġibiltà li t-tanker — il-Grace 1 — mhux se jwassal iż-żejt (mill-Iran) lejn is-Sirja. It-tanker kien twaqqaf mir-Royal Marines Britanniċi, fl-4 ta’ Lulju, u bis-sitwazzjoni ddaħħal lir-Renju Unit u l-Iran fi stat ta’ konfront.

L-ogħla awtoritajiet tal-ġustizzja f’Ġibiltà qalu, intant, li ‘l-ebda appell tal-Istati Uniti ma tressqet quddiem il-qorti’. Dan meta l-Ministru Ewlieni ta’ Ġibiltà, Fabian Picardo, qal li entità legali indipendenti kellha tiddetermina t-talba speċifika tal-Amerikani.

Għalissa mhux ċar meta t-tanker ‘Grace 1’ għandu jivvjaġġa ‘il hinn minn Ġibiltà.