Internazzjonali

L-ebda’ sinjali ta’ ħtif fil-każ ta’ Nora Quoirin

It-tfajla mietet minn emoraġija interna

Pulizija fil-Malasja qalet li ma kienx hemm suspett ta’  ħtif fil-każ ta’ Nora Quorin – it-tfajla ta’ 15-il sena li kienet ġiet irrappurtata nieqsa mill-ġenituri tagħha waqt li l-familja kienet fuq btala fil-pajjiż.

Nora, li kienet tifla bi bżonnijiet speċjali, instabet mejta qrib nixxiegħa madwar żewġ kilometri w’nofs mill-kumpless f’nofs il-ġungla li kienu qegħdin fih il-familja Quoirin. Hi nstabet it-Tlieta wara għaxart ijiem ta’ tfittxija u hu maħsub li kienet ilha mejta jumejn jew tlieta qabel ma nstabet.

Qed jintqal li t-tfajla mietet minn emoraġija interma kawża ta’ ħinijiet twal mingħajr ikel u anke minħabba livell qawwi ta’ stress.

Il-ġenitura tat-tfajla, li kienet meqjusa bħala vulnerabbli, fi stqarrija li għamlu wara s-sejba tal-katavru ta’ binthom, qalu li jinsabu qalbhom maqsuma u ddeskrivew lil Nora bħala tifla mill-aktar prezzjuża.