Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, qal li sitt pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qablu biex jieħdu madwar 150 immigrant li ilhom il-jiem fuq il-bastiment ‘Open Arms’ li kien qed jinżamm milli jidħol fil-portijiet tal-Italja.
L-aħbar kienet żblokk importanti għall-aħħar kriżi tal-immigranti fil-Mediterran, b’Conte jgħid li l-immigranti tal-bastiment għandhom ikunu distribwiti fost Franza, Spanja, il-Ġermanja, ir-Rumanija, il-Portugall u l-Lussemburgu.
L-immigranti ilhom jgħixu fi stat ta’ limbu mindu l-bastiment – li jservi għal missjonijiet ta’ salvataġġ li qed tmexxi l-entità Spanjola Proactiva Open Arms – kien salvahom mill-ibħra ‘il hinn mil-Libja, fil-bidu tax-xahar.
Dan il-bastiment illum wasal fl-ibħra territorjali tal-Italja fejn tefa’ l-ankri ftit ‘il barra mill-gżira ta’ Lampedusa. Dan kien possibbli wara li qorti amministrattiva f’Ruma ddeċidiet li l-‘Open Arms’ kellu jitħalla jidħol fl-ibħra Taljani minkejja l-oppożizzjoni tal-Viċi Prim Ministru u Ministru Taljan għall-Intern, Matteo Salvini.
Matteo Salvini, li jmexxi lill-Partit tal-Lega u li insista li ‘mhu se jservi qatt bħala kompliċi tat-traffikanti tal-bnedmin’, kien ħareġ digriet ta’ emerġenza biex il-bastiment ‘Open Arms’ ma jasalx f’Lampedusa. Iżda l-Ministru Taljan tad-Difiża, Elisabetta Trenta – li hi membru tal-Moviment Cinque Stelle imsieħeb fil-koalizzjoni – ma ffirmatx id-digriet bi sfida u qalet li ‘il-politika mgħandhiex titlef is-sens tal-umanità’.
L-Uffiċjali ta’ Franza u l-Ġermanja, aktar kmieni llum, ukoll ikkonfermaw li kienu għaddejjin b’taħditiet biex jirrisolvu l-aħħar kriżi dwar l-immigranti li tinvolvi lill-Italja.
Dan waqt li l-Gvern Spanjol tenna li qed jaħdem ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Kummissjoni Ewropea biex tinstab soluzzjoni komuni għas-sitwazzjoni tal-immigranti — bi Spanja tinsab lesta biex tipparteċipa fid-distribuzzjoni xierqa tal-immigranti mill-bastiment ‘Open Arms.’
//= $special ?>