Sitt tiraturi Maltin se jkunu qed jieħdu sehem f’Tazza tad-Dinja organizzata mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Isparar. Il-kompetizzjonijiet se jsiru fiċ-Ċentru Sportiv ta’ Halvala li jinsab qrib il-belt Finlandiża Lahti. Jassistu lit-tiraturi Maltin hemm John Bugeja, Frans Bugeja u Richard Attar.
Fit-trap, William Chetcuti, Brian Galea u Stephen Vella se jkunu fl-azzjoni għada fl-ewwel ġurnata ta’ kwalifikazzjoni bi tliet rawnds ta’ 25 plattina kull rawnd. Imbagħad is-Sibt isiru ż-żewġ rawnds l-oħra għal total ta’ 125 plattina. Wara ssir il-fażi finali b’sitt tiraturi jikkompetu fuq 50 plattina. B’kollox se jkun hemm 28 grupp ta’ sitt tiraturi għal total ta’ 168 tiratur.
Clive Farrugia, Marlon Attard u Bozhidar Dimitrov ukoll se jkunu l-Finlandja fejn se jikkompetu fis-skeet. L-ewwel ġurnata mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni ssir l-Erbgħa 21 ta’ Awwissu filwaqt li l-Ħamis 22 ta’ Awwissu tintemm il-fażi ta’ kwalifikazzjoni wkoll fuq total ta’ 125 plattina. Wara din il-fażi ssir il-finali.
F’kull sena jsiru erba’ Tazzi tad-Dinja organizzati mill-ISSF. Din hi r-raba’ Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena u f’Ottubru ssir il-finali f’Al Ain. L-ewwel waħda saret f’Acapulco fil-Messiku f’Marzu u xahar wara ġiet organizzata f’Al Ain fl-Emirati Għarab Magħquda. F’Mejju saret it-Tielet Tazza tad-Dinja f’Changwon fil-Korea.
F’Marzu fit-trap kienu ħadu sehem Brian Galea u Mario Buhagiar li t-tnejn kienu laqtu 118-il plattina minn 125 iżda spiċċaw fil-55 u s-56 post. Fil-kategorija tan-nisa, Mikaela Galea kienet laqtet 105 plattini u temmet fil-50 post.
F’April, William Chetcuti spiċċa fit-23 post u Brian Galea temm fl-84 post b’total ta’ 121 u 118-il plattina minn 125 rispettivament. Nicky Carabott kien ħa sehem ukoll u laqat 109 plattini biex spiċċa fil-120 post. Mikaela Galea ħadet sehem ukoll f’din l-edizzjoni u spiċċat fl-64 post b’total ta’ 101 plattina.
F’Mejju, Brian Galea, Jeffrey Tonna u Mario Buhagiar ħadu sehem fit-trap. Galea u Tonna laqtu 117-il plattina u spiċċaw fid-39 post filwaqt li Buhagiar laqat tlieta anqas u temm fis-86 post. Fit-trap tan-nisa, Mikaela Galea laqtet 110 plattini u kklassifikat fl-34 post.
//= $special ?>