Hekk kif Hong Kong jibqa’ fi stat ta’ kriżi, bil-protesti kontra l-Gvern jibqgħu għaddejjin, il-President Amerikan Donald Trump qed jissuġġerixxi laqgħa privata mal-President Ċiniż Xi Jinping. Dan biex jiddiskutu s-sitwazzjoni li żviluppat wara li f’Hong Kong ġiet proposta liġi li tista’ testradixxi l-persuni lejn iċ-Ċina.
Fi Tweet, Trump qal li ma kellu l-ebda dubju li Xi seta’ jsolvi din is-sitwazzjoni b’mod sensibbli u uman.
Hu rabat ukoll il-protesti ma ftehim ta’ kummerċ bejn l-Istati Uniti u Beijing, hekk kif bħalissa hemm tensjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Filfatt, fit-Tweet, Trump qal li hu ċert li ċ-Ċina trid tidħol fi ftehim mal-Istati Uniti imma l-ewwel iridu jsolvu s-sitwazzjoni ma’ Hong Kong.
Il-Protesti f’Hong Kong ilhom għaddejjin ġimgħat sħaħ u saħansitra ħolqu kaos f’ wieħed mill-akbar ajruporti fl-Ażja hekk kif dimostranti daħlu fil-binja u ħolqu inkonvenjent kbir lil dawk li kienu qed jippruvaw jivvjaġġaw.
//= $special ?>