Futbol Sport

Van Dijk mal-finalisti għar-rebħ tal-Plejer tas-Sena tal-UEFA

(Ritratt: UEFA)

Lionel Messi, Cristiano Ronaldo u Virgil van Dijk huma t-tliet finalisti għar-rebħ tal-plejer tas-sena tal-UEFA. Minn meta nħoloq dan l-unur fl-2011, Ronaldo rebaħ dan l-unur tliet darbiet, darba aktar minn Messi, filwaqt li van Dijk hu finalist għall-ewwel darba.

Id-difensur Olandiż rebaħ il-Plejer tas-Sena tal-Premier League fl-istaġun li għadda u kien strumentali biex Liverpool rebħu l-UEFA Champions League għas-sitt darba.

Fl-istaġun li għadda, Messi kien l-aqwa skorer tal-kampjonat Spanjol b’36 gowl kif ukoll taċ-Champions League bi 12-il gowl, iżda Barcelona naqsu li jirbħu l-kompetizzjoni wara li kienu eliminati minn Liverpool fis-semifinali hekk kif tilfu vantaġġ ta’ tliet gowls fit-tieni leg.

Ronaldo li fil-karriera tiegħu rebaħ iċ-Champions League ħames darbiet, naqas li jirbaħ il-kompetizzjoni fl-ewwel staġun tiegħu ma’ Juventus hekk kif Juventus kienu eliminati mal-aħħar tmienja kontra Ajax. Iżda hu għen lil Juventus jirbħu l-kampjonat Taljan għat-tmien sena konsekuttiva b’21 gowl u rebaħ l-Aqwa Plejer tas-Serie A.

Fil-kategorija tan-nisa, ir-rebbieħa se tkun żgur plejer ta’ Olympique Lyon hekk kif it-tliet finalisti huma kollha tar-rebbieħa taċ-Champions Ewropej. Dawn huma l-attakkant Ada Hegerberg, id-difensur Lucy Bronze u l-midfielder Amandine Henry. L-unuri jkunu magħrufa waqt il-poloz tal-gruppi tal-UEFA Champions League, f’ċerimonja f’Monaco l-Ħamis 29 ta’ Awwissu.

Tags