Lokali

20 persuna oħra arrestata fuq sejbiet ta’ 5 tipi ta’ droga

20 persuna oħra ġew arrestati mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga waqt tfittxijiet għall-għarrieda li saru waqt attivitajiet ta’ divertiment fil-limiti tar-Rabat, Malta.

Il-persuni arrestati ġejjin minn diversi nazzjonalitajiet, fosthom hemm xi Maltin. Il-pulizija qalu li l-etajiet ivarjaw bejn l-20 u l-34 sena. Id-drogi misjuba kienu jikkonsistu f’kokajina, MDMA, ħaxixa tal-kannabis, pilloli ecstasy u ketamina.

Fost il-persuni arrestati kien hemm Irlandiż li kellu fil-pussess tiegħu 66 pakkett bid-droga kokajina u raġel minn San Ġwann li nstab li kellu sitt pilloli ecstasy, żewġ pakketti bl-MDMA u pakkett kokajina.

Il-Pulizija qalet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u wħud mil-persuni arrestati mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin.

Intant fl-aħħar siegħat l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga tal-Pulizija arrestat ukoll 25 persuna, Maltin u barranin b’rabta ma’ pussess u traffikar ta’ droga.Il-ħidma kienet konċentrata wkoll fil-limiti tar-Rabat bl-etajiet tal-persuni arrestati tvarja minn 17 għal 42 sena.

Tags