Internazzjonali

Tkompli l-inċertezza dwar l-immigranti fuq il-bastiment Open Arms

Numru ta’ immigranti, fl-aħħar sigħat, tħallew jiżbarkaw mill-bastiment tas-salvataġġ bl-isem Open Arms li jinsab ankrat ‘il hinn mill-gżira Taljana ta’ Lampedusa. L-iżbark sar għal raġunijiet mediċi waqt li l-għexieren tal-immigranti l-oħrajn baqgħu jistennew fuq il-bastiment fost id-diżgwid politiku attwali bejn l-eks alleati politiċi li qed jiffurmaw il-koalizzjoni preżenti fl-Italja.

Il-Ministru tal-Intern Taljan, Matteo Salvini, fl-aħħar sigħat, ordna lill-uffiċjali tiegħu biex ma jippermettux l-iżbark tal-immigranti mill-bastiment.

Dawn l-immigranti kienu salvati ftit ‘il hinn mil-Libja madwar ġimgħatejn ilu u Salvini ħareġ b’din id-direttiva bi sfida diretta lill-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte u minkejja li sitt pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kienu qablu li jieħdu l-immigranti.

Is-sitwazzjoni tal-immigranti fuq l-Open Arms tindika l-problemi kbar fi ħdan il-koalizzjoni li qed tmexxi l-Italja. Dan meta l-immigrazzjoni saret element kruċjali fil-pjan ta’ Matteo Salvini biex joħroġ lill-Partit tal-Lega mill-Gvern, bil-ħsieb li jilħaq hu Prim Ministru tal-Italja, permezz ta’ elezzjonijiet ġodda.

Il-bastiment Open Arms qed jitmexxa minn entità karitatevoli Spanjola u l-psikoloġisti li eżaminaw l-immigranti li tħallew jiżbarkaw għall-kura qalu li wħud minnhom qegħdin juru s-sinjali ta’ trawma serja.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Conte, li mhux affiljat ma’ xi partit politiku, akkuża lil Matteo Salvini b’li qed jisfrutta l-kriżi tal-immigrant, filwaqt li fakkar li hu kien ikkonvinċa lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jaċċettaw lill-immigranti fuq l-Open Arms. Il-bastiment tal-Open Arms tħalla jidħol fl-ibħra tal-Italja wara li qorti f’Ruma kienet annullat id-direttiva ta’ Matteo Salvini biex dan ma jseħħx.