Futbol Sport

Bayern Munich miżmuma f’darhom fl-ewwel logħba tal-Bundesliga

(Ritratt: EPA)

Iċ-champions Ġermaniżi Bayern Munich fetħu l-Bundesliga bi draw f’darhom ta’ 2-2 kontra Hertha Berlin. Din kienet l-ewwel darba wara seba’ snin li ma bdewx il-kampjonat b’rebħa hekk kif qed ifittxu li jirbħu l-Bundesliga għat-tmien sena konsekuttiva.

Huma kienu marru fil-vantaġġ fl-24 minuta meta Robert Lewandowski kompla għal ġewwa wara kross mil-lemin ta’ Serge Gnabry. Dan fisser li l-attakkant għamel rekord fil-futbol Ġermaniż hekk kif il-Pollakk skorja fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat għall-ħames staġun konsekuttiv.

It-tim ta’ Niko Kovac deher li kien qed jiddomina sa dak il-ħin iżda fis-36 minuta Hertha Berlin ġabu d-draw b’xutt mid-distanza ta’ Dodi Lukebakio li ġie mxellef minn Vedad Ibisevic u spiċċa fix-xibka. Dan kien ir-raba’ gowl f’żewġ logħbiet għall-Belġjan f’żewġ logħbiet kontra Bayern Munich. Hertha Berlin saħansitra marru minn fuq tliet minuti wara meta Marko Grujic rebaħ dwell ma’ Benjamin Pavard, baqa’ fuq siequ antiċipa l-ħarġa ta’ Manuel Neuer u skorja f’lasta vojta.

Bayern Munich ġabu d-draw mas-siegħa logħob meta ngħataw penalty permezz tal-VAR wara inġenwità kbira ta’ Marko Grujic li ġibed bla bżonn lil Robert Lewandowski. Mill-11-il metru l-istess plejer bagħat lill-gowlkiper in-naħa l-oħra tal-ballun. Wara dan il-gowl, Bayern Munich għafsu biex jiksbu r-rebħa u anki fallew xi okkażjonijiet permezz ta’ Corentino Tolisso u Serge Gnabry biex kellhom jikkuntentaw b’punt.

Bundesliga

Illum: B. Munich v H. Berlin 2-2

Għada: Bayer Leverkusen v Paderborn 3.30pm, Borussia Dortmund v Augsburg 3.30pm, Freiburg v Mainz 3.30pm, Wolfsburg v Cologne 3.30pm, W. Bremen v F. Dusseldorf 3.30pm, B. Monchengladbach v Schalke 6.30pm

Il-Ħadd: Eintrach Frankfurt v Hoffenheim 3.30pm, Union Berlin v Leipzig 6.00pm