Futbol Sport

Coutinho mistenni jingħaqad b’self ma’ Bayern Munich

(Ritratt: Sky Sports)

Rapporti fil-media Ġermaniża qed jgħidu li Philippe Coutinho mistenni jingħaqad b’self ma’ Bayern Munich. L-internazzjonali Brażiljan tħalla mill-iskwadra ta’ Barcelona għall-ewwel impenn fil-kampjonat kontra Athletic Bilbao.

Jidher li ż-żewġ klabbs qed jiffinalizzaw il-ftehim li jara lil Coutinho jilgħab fl-Allianz Arena għal staġun. Paris Saint-Germain dehru interessati fil-plejer ta’ 27 sena iżda għażlu li ma jibqax isegwu lill-plejer wara li t-talbiet tas-salarju kienu għolja. Hu kien qed jissemma bħala plejer li seta’ jkun involut fit-trasferiment ta’ Neymar lura ma’ Barcelona.

Coutinho ngħaqad ma’ Barcelona mingħand Liverpool f’Jannar tas-sena l-oħra għal somma rekord tal-klabb ta’ €120 miljun flimkien ma’ €45 miljun f’diversi bonus differenti. Hu lagħab 76 logħba mal-Katalani fil-kompetizzjonijiet kollha u skorja 21 gowl, iżda sabha diffiċli biex iħalli impatt. Bl-akkwist ta’ Antoine Griezmann u dak potenzjali ta’ Neymar, l-ispazju tiegħu naqas u għalhekk l-esperjenza fil-Ġermanja tista’ tgħinu jikseb l-aħjar forma.