Futbol Sport

Edin Dzeko jneħħi kull dubju li seta’ jitlaq lil Roma

(Ritratt: AS Roma)

Edin Dzeko xejjen kull spekulazzjoni li seta’ jħalli lil Roma hekk kif ġedded il-kuntratt sat-30 ta’ Ġunju tal-2022. Il-kuntratt eżistenti kien jiskadi sena oħra u fl-aħħar ġimgħat, diversi rapporti fil-media Taljana kienu qed jirrappurtaw li Dzeko seta’ jingħaqad ma’ Inter u potenzjalment Mauro Icardi seta’ jkompli l-karriera ma’ Roma.

L-attakkant mill-Bożnija ngħaqad ma’ Roma fis-sajf tal-2015 u fl-erba’ snin mal-Giallorossi skorja 87 gowl f’179 logħba. Minħabba d-diversi taqlib li jkollhom Roma kull staġun, Dzeko hu wieħed mill-aktar plejers li ilu mal-klabb u jitqies bħala veteran.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, il-plejer ta’ 33 sena qal li fl-aħħar ġimgħat fehem b’liema saħħa l-klabb ried li hu jibqa’ magħhom. “Il-laqgħat mad-diriġenti, il-ħidma mal-kowċ, il-ħbiberija ta’ sħabi u l-imħabba tal-partitarji wassluni nagħraf dak li fhimt f’dawn l-erba’ snin li Roma hu d-dar tiegħi. Hawn kollox biex nirbħu unur u ninsab kuntent li nista’ nibqa’ hawn fit-tul,” qal Dzeko.