Sport Sport Ieħor

Federer megħlub miż-żagħżugħ Rublev

(Ritratt: Getty Images)

Roger Federer kien eliminat mit-tielet rawnd tal-Masters ta’ Cincinnati meta tilef kontra Andrey Rublev 6-3, 6-4. Ir-Russu kiser is-service ta’ Federer fl-ewwel żewġ logħbiet tas-service u rebaħ 81% tal-punti fis-service biex għalaq il-logħba fi ftit aktar minn siegħa.

Għat-tennist ta’ 21 sena din ir-rebħa hi l-akbar waħda fil-karriera tiegħu u fi tmiem il-logħba beka bil-ferħ. Fl-ewwel kummenti tiegħu, Rublev qal li hi emozzjoni sabiħa meta wieħed jilgħab kontra Federer u n-nies preżenti jżommu miegħu sal-aħħar.

Hu saħaq li jittama li xi darba jkollu l-istess sensazzjoni. Ir-Russu kompla li hu kien qed jipprova jagħti l-aħjar tiegħu u żied li f’moħħu beda jaħseb li jrid jilgħab kull punt sal-aħħar. B’din ir-rebħa hu jilgħab kontra r-Russu Daniil Medvedev fil-kwarti tal-finali.

Tags